Dan huwa l-ewwel minn sensiela ta’ kitbiet oħra dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja Kattolika.
Il-Knisja Kattolika mhijiex interessata biss mill-ħajja spiritwali tal-bniedem, iżda wkoll mill-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi li fihom jgħix. Għalhekk, matul is-sekli, il-Knisja żviluppat dak li nsejħulu t-Tagħlim Soċjali Kattoliku — ġabra ta’ prinċipji u valuri li jiggwidaw lill-bniedem sabiex tinbena soċjetà aktar ġusta, umana u solidali.

Mhux tagħlim li joffri soluzzjonijiet politiċi konkreti jew programmi ekonomiċi dettaljati, iżda jippreżenta prinċipji morali msejsa fuq l-Evanġelju u fuq id-dinjità tal-persuna umana. L-għan tiegħu huwa li jgħin lill-bniedem jgħix b’mod responsabbli fis-soċjetà u jippromwovi l-ġid komuni.
It-Tagħlim Soċjali Kattoliku huwa t-tagħlim tal-Knisja dwar il-ħajja fis-soċjetà. Dan jittratta temi bħall-ġustizzja soċjali, id-drittijiet tal-bniedem, il-faqar, ix-xogħol, il-paċi, l-ekonomija, il-politika u l-ħarsien tal-ambjent.
Huwa mibni fuq erba’ pedamenti ewlenin:
- Il-Kotba Mqaddsa
- It-Tradizzjoni tal-Knisja
- Ir-Raġuni Umana
- Id-Dinjità tal-Bniedem
Il-Knisja temmen li kull bniedem għandu valur uniku għaliex huwa maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla. Għalhekk, kull struttura soċjali jew ekonomika għandha tirrispetta d-dinjità ta’ kull persuna.
Il-Bażi Bibblika tat-Tagħlim Soċjali
It-Tagħlim Soċjali Kattoliku għandu għeruq profondi fil-Bibbja, kemm fit-Testment il-Qadim u kif ukoll fit-Testment il-Ġdid.
Il-profeti tal-poplu Lhudi kienu jinsistu fuq il-ġustizzja soċjali u jikkundannaw l-isfruttament tal-foqra. Pereżempju, il-profeta Għamos ikkritika lil dawk li kienu jgħakksu lill-foqra sabiex jistagħnew huma.
“Dan jgħid il-Mulej: “Għal tliet dnubiet ta’ Iżrael, erbgħa anzi, ma nreġġax lura kelmti, għax huma biegħu l-bniedem ġust għall-fidda, u l-fqir għal żewġt qrieq; saħqu ras l-imsejkna mat-trab tal-art, u għawwġu t-triq tal-umli; għax huma jidħlu għand l-istess żagħżugħa, sew l-iben, sew missieru, biex iżebilħu l-isem qaddis tiegħi; u għax ħdejn kull artal jimteddu fl-art fuq ħwejjeġ mirhunin; u fid-dar ta’ alla tagħhom ilegilgu l-inbid ta’ dawk li huma jimmultaw.” [Għam:2:6-8]
Il-Liġi Lhudija ma kienetx tħares biss lill-foqra, iżda wkoll lill-barranin u lir-romol.
Fit-Testment il-Ġdid, Ġesù Kristu nnifsu poġġa l-imħabba lejn il-proxxmu fiċ-ċentru tat-tagħlim tiegħu. Huwa wera attenzjoni speċjali lejn il-foqra, il-morda, l-emarġinati, saħansitra il-midinbin.
Meta mistoqsi dwar l-akbar kmandament tal-Liġi kien ċar fit-tweġiba li ta, “Int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.” (Mk:12:30-31)
Fil-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb (Luqa 15:11-32) juri kif kull bniedem għandu responsabbiltà lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma fil-bżonn. Ġesù saħaq ukoll, “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu għamiltuh miegħi.” (Mt 25:40)
Dan il-kliem juri kemm il-ġustizzja u s-solidarjetà huma importanti fil-ħajja Nisranija.
Kif żviluppa t-Tagħlim Soċjali Kattoliku?
Għalkemm il-Knisja dejjem tkellmet dwar il-ġustizzja, it-Tagħlim Soċjali modern żviluppa b’mod speċjali fis-seklu dsatax, fi żmien ir-Rivoluzzjoni Industrijali.
Kien żmien meta …
- ħafna ħaddiema kienu qed ikunu sfruttati,
- il-pagi kienu baxxi ħafna,
- it-tfal kienu jitħaddmu f’kundizzjonijiet ħżiena,
- il-faqar fis-soċjetà kiber u kompla jiżdied.
Quddiem dawn il-problemi, il-Knisja ħasset il-bżonn li tagħti direzzjoni morali lis-soċjetà moderna.
Fl-1891, Il-Papa Ljun XIII ippubblika l-Enċiklika Rerum Novarum, li hija meqjusa bħala l-bidu uffiċjali tat-Tagħlim Soċjali Kattoliku modern. Dan id-dokument iddefenda:
- id-drittijiet tal-ħaddiema,
- il-paga ġusta,
- il-jedd tal-għaqdiet tal-ħaddiema,
- u d-dinjità tax-xogħol.
Matul iż-żmien, il-Knisja żviluppat diversi prinċipji fundamentali oħra. Dawn jinkludu:
1. Id-Dinjità tal-Persuna Umana għaliex kull bniedem għandu valur infinit minħabba li huwa maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla.
2. Il-Ġid Komuni għaliex is-soċjetà għandha tkun mmexxija għall-ġid ta’ kulħadd, mhux biss tal-ftit.
3. Is-Solidarjetà għaliex il-bnedmin huma responsabbli għal xulxin u għandhom jgħinu lil dawk fil-bżonn.
4. Is-Sussidjarjetà għaliex dak li jista’ jagħmel individwu jew komunità żgħira m’għandux jittieħed bla bżonn mill-istat.
5. L-Għażla Preferenzjali tal-Foqra għaliex il-Knisja wkoll trid tagħti attenzjoni speċjali lill-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
Il-Knisja u l-Politika
Importanti niftakru li l-Knisja mhijiex partit politiku. Hija ma tappoġġjax sistema politika partikolari, iżda tipproponi prinċipji morali li għandhom jiggwidaw il-ħajja pubblika.
Hija trid tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, tikkundanna l-inġustizzja, u tappella għall-paċi u l-ġustizzja soċjali.
Il-Lajċi Nsara huma msejħa sabiex japplikaw dawn il-prinċipji fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali.
It-Tagħlim Soċjali Kattoliku għadu relevanti fis-soċjetà tagħna tal-lum. Anzi, fi żmienna hemm diversi sfidi soċjali li jagħmluh ferm aktar importanti minn qatt qabel. Dawn huma …
- il-faqar globali,
- il-migrazzjoni,
- il-gwerer,
- il-qerda ambjentali,
- il-qgħad,
- il-konsum eċċessiv,
- l-inugwaljanzi ekonomiċi.
It-Tagħlim Soċjali Kattoliku huwa parti essenzjali mill-missjoni tal-Knisja. Huwa jfakkarna li l-fidi Nisranija mhijiex biss kwistjoni privata jew spiritwali, iżda għandha wkoll dimensjoni soċjali.
Permezz ta’ dan it-tagħlim, il-Knisja tħeġġeġ lill-bnedmin sabiex jirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna, jaħdmu għall-ġustizzja, jgħinu lill-foqra, u jibnu soċjetà aktar umana u paċifika.