Avvent ma’ Marija – It-Tielet Ġimgħa – Is-Sibt

Print Friendly, PDF & Email

SEMPLIĊITÀ

“F’maxtura”. – Luqa 2:7

48277398_1067549666757650_7578584250375471104_nBilli “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:7), Marija u Ġużeppi spiċċaw fl-aktar post fqir – maxtura li minnha kienu jieklu l-bhejjem. Hemm tradizzjoni tat-tieni seklu WK li tqiegħed it-twelid ta’ Kristu f’għar fuq barra ta’ Betlehem. Din it-tradizzjoni tant xterdet li lejn is-sena 325, l-Imperatur Kostantinu tella’ bażilika fuq dan l-imkien biex jagħti ġieħ lill-post fejn twieled Ġesù.

L-Iskrittura u t-Tradizzjoni jgħidulna li l-post tat-twelid ta’ Kristu kien sempliċi. L-ebda sptar. L-ebda tabib. L-ebda sodda. Xejn. Sempliċità mneżżgħa minn kollox, qalb l-annimali. Kemm tixraq! B’Marija fuq l-art għerja, u b’għana l-aktar ħelu jagħtiha ġieħ.

Ara ftit xi smajna mingħand Marija tul l-Avvent: Kollox. Xejn. Faqar. Dipendenza. Vojt. Eku.

Dawn kienu sħabha sa mit-Tħabbira, u dawn kienu sħabha hekk kif ħejjiet biex tiled il-Messija. Kienet sinfonija ta’ vojt, u l-orkestra kienet immexxija mis-sempliċità.

Jekk irridu nħaddnu lil Marija, jeħtieġ inħaddnu s-sempliċità.

Ħajjitna tista’ tkun mimlija taħbit. Iktar ma ssir mgħaġġla l-ħajja frenetika tagħna, iktar inħossuha kkumplikata. Jekk inkunu mħabbtin iżżejjed, hija ruħna li ħa tbati. Il-ħajja ssir ikkumplikata, u s-sempliċità tal-pjan ta’ Alla tisfa maħnuqa. Min-naħa l-oħra, bis-sempliċità ma jifdlilna xejn tagħna – xejn ħlief lil Alla. Hemm, nistgħu nwieġbu għalkollox għall-glorja ta’ Alla, f’għaqda sħiħa miegħu, u bix-xewqa l-aktar profonda ta’ ruħna. Pjuttost sempliċi – is-sempliċità twassal għal għand Alla.

Itlob lil Marija turik is-sempliċità kbira tal-“maxtura”. Għidilha tgħinek tiffoka tassew fuq il-Milied, fuq it-tifsira vera tiegħu.

Għalhekk, nagħlqu kif ftaħna. Ikkalma. Iskot. Isma’. Wara kollox, x’għaġla hemm? Fil-verità, għalxiex qed nitħejjew?

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salm 131. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm 131. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija f’Luqa 2:7. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, illum nitolbok il-grazzja li nikkalma. Ħejjili qalbi biex dan il-Milied nista’ ngħix il-miraklu”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply

%d bloggers like this: