Il-Papa bagħat messaġġ liż-żgħażagħ Ewropej miġburin f’Taizè


Il-Ġimgħa 28 ta’ Diċembru 2018: Lill-15,000 żgħażagħ miġburin f’Madrid bejn illum 28 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar għal 41 laqgħa ewropeja tal-Komunità Taizè, il-Papa Franġisku qalilhom biex jersqu qrib ta’ din l-umanità miġrugħa u qrib min hu mwarrab u skartat, bla vuċi u fqir!

taize.jpegF’messaġġ li jġib il-firma tas-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, il-Kardinal Pitero Parolin, il-Papa Franġisku talab liż-żgħażagħ biex jilqgħu l-isfida tal-ospitalità u stedinhom jiftħu qlubhom għall-Mulej u għall-Kelma tiegħu.  Stedinhom biex iħaddmu l-kultura tal-laqgħa billi jilqgħu lil xulxin bir-rispett lejn id-differenzi ta’ bejniethom.

Imnebbaħ mit-tema magħżula mill-komunità Taize għal dis-sena: “Ma ninsewx l-ospitalità”, il-Papa fakkar li m’ilux f’Ruma tlaqqgħet Assemblea Sinodali tal-Isqfijiet tad-dinja dwar “iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali”, u flimkien mal-Knisja kollha tenna għal darb’oħra li hu għandu fiduċja fihom.

Il-Papa fakkar b’mod partikolari dak li kien kiteb fil-messaġġ għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tal-2018 u ħeġġeġ liż-żgħażagħ ta’ Taizè biex qatt ma jitilfu l-gost tal-laqgħa, tal-ħbiberija, tal-ħolm flimkien, li jimxu mal-oħrajn, li jaqsmu l-ispazji vitali ta’ ħajjithom u jagħmluhom spazji ta’ fraternità.

Għalhekk Franġisku ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jiskopru li huwa possibbli li wieħed jgħejx l-ospitalità bil-ġenerożità, li wieħed jitgħallem jistgħana mid-differenzi bejnu u bejn l-oħrajn u juża t-talenti biex isir bennej tal-pontijiet bejn il-Knejjes, ir-reliġjonijiet u l-popli.

Fil-laqgħat ta’ Taizè jieħdu sehem protestanti, kattoliċi u ortodossi.  Għalhekk il-Papa talab lill-Ispirtu s-Santu biex jgħin liż-żgħażagħ jilqgħu d-differenzi ta’ bejniethom bħala mixja ta’ komunjoni u stedinhom biex jużaw it-talenti tagħhom, l-enerġija u l-forza li għandhom biex itejbu d-dinja u biex jaraw li kull persuna tkun tista’ ssib postha fi ħdan il-familja umana.

Il-messaġġ tal-Papa kien ippubblikat fuq is-sit tal-komunutà flimkien ma’ messaġġi mill-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, Bartilmew,  mis-segretarju ġenerali tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, ir-Reverendu Olav Fyske-Tviet, mis-segretarju ġenerali tal-Federazzjoni Luterana Dinjija, ir-Reverendu Martin Junge, mis-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda, M. Antonio Guterres u mis-sindku tal-belt ta’ Madrid, Manuela Carmena.

Dan l-avveniment huwa stadju ieħor “tal-pellegrinaġġ ta’ fiduċja fid-dinja” mibdi minn Frere Roger lejn tmiem is-snin 70 tas-seklu li għadda.  Din is-sena l-15,000 żgħażagħ li nġabru fil-belt kapitali ta’ Spanja huma ospitati f’170 parroċċa u eluf ta’ familji ta’ Madrid.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.