Appell għal solidarjetà konkreta


Is-Sibt, 29 ta’ Diċembru 2018: Stqarrija tal-Isqfijiet ta’ Malta u Ghawdex.

489581-740xNoneF’dawn il‑jiem ta’ festi meta faċilment inkunu aljenati, inħossuna fid‑dover li ntennu l‑appell li għamilna f’Ġunju li għadda biex il‑mexxejja ta’ pajjiżna, flimkien ma’ dawk tal‑Unjoni Ewropea, joffru soluzzjonijiet konkreti għall‑fenomenu tal‑immigrazzjoni fil‑Baħar Mediterran.

L‑iżviluppi ta’ dawn il‑jiem dwar il‑persuni li kienu abbord il‑bastiment Open Arms u dawk li issa huma abbord il‑bastiment Sea Watch 3 joffru stedina lil Malta u lill‑pajjiżi Ewropej għal solidarjetà konkreta. Huwa ta’ tħassib serju għalina meta l‑Ewropa tirrifjuta li toffri kenn flok tassisti, meta tagħlaq flok tiftaħ il‑bibien tagħha għal dawk li huma maqbudin bejn sema u ilma. Fl‑istess waqt nirrikonoxxu l‑isforzi tal‑awtoritajiet Maltin biex jgħinu lil dik l‑omm u lit‑tarbija tagħha li nġiebu Malta mill‑Forzi Armati.

Aħna l‑Maltin, minħabba ċ‑ċokon tagħna u fl‑istess ħin minħabba l‑pożizzjoni strateġika ta’ pajjiżna, minn dejjem fehemna u ppromovejna s‑solidarjetà internazzjonali, u hekk jiħtieg nagħmlu llum ukoll. X’jiswa lin‑Nisrani li jfakkar it‑twelid ta’ tarbija u ma jfittix li jsalva lil dawn ħutna l‑bnedmin? X’jiswa lis‑soċjetà li tippromwovi l‑ħajja u mbagħad tagħżel li tħalli lill‑bnedmin f’nofs ta’ baħar wiċċ imb wiċċ mal‑mewt? Aħna u nfakkru fil‑ħtieġa tas‑solidarjetà nifhmu li qegħdin nimpenjaw ruħna li nagħmlu dan ma’ min qiegħed fi bżonn urġenti ta’ għajnuna għaliex qiegħed jaħrab minn ambjent kiefer ta’ disprezz vjolenti tad‑dinjità tal‑bniedem; qiegħed jaħrab minn destin aħrax ta’ skajvitù, u saħansitra tortura u mewt.

Aħna l‑Isqfijiet, filwaqt li nagħrfu l‑kumplessità u d‑delikatezza kemm tal‑problema kif ukoll tas‑soluzzjonijiet marbuta mal‑immigrazzjoni, inħeġġu għażliet kuraġġużi li jkunu dejjem favur il‑ħajja u nħeġġu wkoll solidarjetà li tesprimi ruħha mhux biss bil‑fomm jew bil‑flus iżda b’azzjoni konkreta.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

✠ Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea‑Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta