Qed tieħu l-aħħar nifsijiet


Baqalgħha biss ftit sigħat! Is-sena 2018! Miskina! Mela daqt tmut u qisha qatt ma tkun qisha eżiżtiet! Kos hux! Mela anki din is-sena għaddiet ukoll!

Din l-espressjoni, qed tieħu l-aħħar nifsijiet, qed tfakkarni f’xi ħaġa tabilħaqq kbira. U mportanti. Iva. Qed tfakkarni f’xi ħaġa li, fix-xogħol li l-Mulej jagħtini nwettaq kuljum preċett, fl-Isptar Mater Dei, aqta’ kemm niltaqa’ magħha! F’kelma waħda, hi l-biċċa li nkun viċin ta’ persuni li tabilħaqq jkunu qiegħdin jieħdu l-aħħar nifsijiet.

Kemm isir tqil hux in-nifs meta jibda’ jittieħed lejn l-aħħar tiegħu! U minn liema tbatija l-persuna li tieħu dan l-imbierek nifs tkun għaddejja minnha! Wara kollox, l-istess nifs, waħdu jixhed u jikxef it-tbatija tal-persuna stess li tkun qed tieħdu. U, minn naħa l-oħra, hi l-persuna stess li tkun qed twassal il-messaġġ tat-tbatija tagħha bl-istess nifs li jkun qed jinqatagħlha. Miskina dik il-persuna! Kemm tkun qed tiġġieled għal kull nifs li tkun qed tieħu!

Insomma! Nilgħab kemm nilgħab bid-diskors u ndawru kemm indawru, dejjem qed nasal għall-istess punt: kemm hu importanti n-nifs! Dażgur li hu importanti! Huwa fin-nifs hemm il-ħajja! U, irrilevanti mill-ġid kollu ta’ din l-art, jeżiżti xi ħaġa għeżeż mill-ħajja ħbieb? O kemm qal sewwa l-filosfu Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalija u għalik, meta qal: Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? (Mt 16 :26).

Hemm xi prezz għan-nifs li nieħdu? Jew biex nistgħu nagħtu valur għan-nifs li nieħdu? Għalkemm quddiem dawn il-mistoqsijiet inħoss ir-roti ta’ moħħi jduru dawra daqshiex fil-vojt, xorta waħda nixtieq ngħid dan: X’għerf fihom l-aħħar nifsijiet! Kemm tagħlim jiġi mgħoddi fl-aħħar nifsijiet! U x’qawwa ta’ kliem joħroġ minn fomm li jkun se jingħalaq darba għal dejjem fuq wiċċ din l-art! Ikolli ngħid li, meta dak il-fomm ikun qed jieħu l-aħħar nifsijiet tiegħu, kapaċi jlissen kelma li jkollha qawwa bil-kif fis-siegħa u l-mument li dak il-fomm ma jinfetaħx iżjed. Kos hux! Kemm huma tremendi l-aħħar nifsijiet!

L-istess ġrali jien, fl-aħħar jiem ta’ din is-sena, 2018, eżattament meta din is-sena qed tieħu l-aħħar nifsijiet tagħha. Hemm, fuq waħda mill-imwejjed oranġjo tal-kafeterija, il-Mulej żarni permezz ta’ persuna. Li, bħal ħafna oħrajn, qalbha kienet trietaq. U x’ma tkunx trietaq meta tagħmel il-ġid u, minn fuq, issib lil min irid isallbek? Issib lil min li, għal kull ħaġa ta’ xejn, jfettillu jiħdar għalik?

Wara djalogu fejn, bħas-soltu, spikkat ix-xmara ckejkna tad-dmugħ, l-Ispirtu s-Santu għallimni dan: meta niddiljaw mal-ħażen irridu naħsbu fil-butir. X’jiġifieri Patri? X’għandu x’jaqsam il-butir mal-ħażen? U kif ħa negħlbu l-ħażen għax ndaħħlu l-butir? Ħa nibdew minn rasha ara! X’inhu xogħol il-butir? Persuna qaltli: Bil-butir tgħaqqad l-ingredjenti flimkien. Tajba l-idea! Mela l-butir iġib l-għaqda! Veru? Madankollu, il-butir għallimni ħaġa oħra lili! Meta l-għażiża ommi tagħmilli xi torta dejjem tidlek il-butir mal-pjanċa. Għax, jekk ma tidlikhiex bil-butir, it-torta teħel mal-pjanċa u nagħmlu froġa tal-frejjeġ! Mela, il-butir mhux biss jgħaqqad imma kapaċi jifred ukoll! Almenu l-għaġina minn mal-pjanċa! U hekk l-għaġina tibqa’ għaġina u l-pjanċa tibqa’ pjanċa u qatt ma ssir għaġina hi wkoll!

Issa, dan il-paragun fejn se jwassalni? Iwassalni għall-fatt li l-ħażen huwa blokka. Iebes! Massiċċ! Biss, jekk indaħħal fih it-tajjeb il-ħażen ma jibqax iġġamjat imma jibda’ jiżloga ruħu. U, aktar ma jiżloga ruħu, aktar jibda’ jinħall. U, aktar ma jibda’ jinħall aktar ikun wasallu ż-żmien li jirtab, jitkisser u jsir trab. Għax il-ħażen, iebes kemm hu iebes, ħajtu fil-qosor ħafna!

Int ħu lil xi ħadd li jiħdar għall-proxxmu tiegħu u tagħha. Nistħajjlek tgħidli: U Patri! Bħal dawn kieku hawn ħafna! Kollox sew! Il-ħdura, salvaġġa u “qaddisa”, dejjem hi massiċċa. Kbira. Maqgħuda. Iebsa. Imma din kif se tiġi żlugata? B’naqra butir! Iva ħabib! Bil-butir tal-barka. Il-filosfu Ġesù jgħidli: Bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom (Lq 6:28). U moħħi, li spiss imurlu l-wire, jgħidli: Imma kif jista’ ikun inbierek lil min jisħetni? U nitlob għal min iżeblaħni? U, fis-skiet, nisma’ il-kelma tal-Psikjatra, tal-Kelma ta’ Alla u mhux ta’ bniedem, li tgħidli fl-Ittra lir-Rumani: Irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:21). Tajba din! Mela l-ħażen jintrebaħ! Mhux għal dejjem! Għandu tmiemu! Għax jintrebaħ bit-tajjeb! Mela t-tajjeb jirbaħ u qatt il-ħażin!

U, bilħaqq, fl-istess kapitlu, il-Psikjatra jgħidli: Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd (Rum 12:14). Mela l-barka tegħleb lis-saħta u lill-ħdura. Għax il-barka hi l-aqwa tarka! Għax il-barka bħall-butir! Iġġib l-għaqda mal-Mulej u bejn il-bnedmin u tifred lill-bniedem minn max-xitan. Li hu dak li jistħet. Il-barka hi dak il-butir bnin li jgħaqqad u jifred . Dejjem jekk inwettaqha. Għax nimxi fuq dan il-parir tal-Psikjatra: Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu (Rum 12:20).

Dawn kienu l-kliem li ħarġu minn fomm l-2018 waqt li qiegħdha tieħu l-aħħar nifsijiet! X’faqgħa ta’ diskors! Veru? X’wirt dan li jibqa!

It-tmiem it-tajjeb tas-sena 2018!

Patri Mario Attard OFM Cap

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.