Wasalna f’denbha


Jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa u Ħadd wara Ħadd, u s-sena 2018 waslet, tista’ tgħid, fi tmiemha. Is-sena 2018 qiegħedha, iva, fl-agunija tagħha! Wasal fi tmiemha s-sena 2018, mimlija daqs bajda, kif inhi, b’għadd ta’ ġrajjiet. Liema ġrajjiet kienu mlewmna, tista’ tgħid, b’kull lewn possibbli taħt is-sema. Mela, u bħal kull sena oħra, is-sena 2018 kienet waħda mimlija b’kull togħma u palat.

Madankollu, u irrispettivament minn dawn il-ġrajjiet, ħaġa waħda naraha li ħarġet qawwija f’din is-sena li qed tbexxaq għajnejha biex ma tiftaħhomx aktar: kemm il-ħajja tgħaddi ħbieb! U kemm, fil-fatt, tgħaddi malajr! Din il-biċċa għerf, imgeżwra f’sentenza li nsemmu ta’ spiss, aħna ngħiduha meta nkunu qegħdin nieħdu xi boqqa kafè. Jew tè. Għodu għodu jew inkella wara nofsinnhar. Meta, mat-tè jew il-kafè, nieħdu dik l-imbierka gallettina. Din is-sentenza ngħiduha wkoll xi ftit waqtiet ta’ mistrieħ. Hemm. Meta nkunu mitfugħa fuq is-siġġu. Bil-kikkra ħiereġ id-duħħan abjad minnha. Jekk tkun ix-xitwa. F’jum kiesaħ. Jew inkella fis-sajf. Għall-frisk tal-AC. Irpużati. Meta nixorbu naqra ilma friska ħa tagħtina seba’ saħħiet biex nissuktaw naħdmu u nisfidaw is-sħana li tkun trid teqridna. Kemm jgħaddi ż-żmien!

Jgħaddi ħi! U ma jistenna lil ħadd! S’issa l-ebda tagħlima ġdida. Straordinarja. Li titlob studju kbir u profond. Jew, u li titlob minni u minnek, xi riċerka warrab wiċċek. Fl-aktar kotba imbiegħdha ta’ xi librerija li tinstab f’Timbuktu. Għax, u ngħid jien, fil-ħajja għandna dejjem nirrikorru għall-prinċipju libris ex libris? Kotba minn kotba? Ovvjament qed nitħaddet mill-kotba ta’ din id-dinja li tgħaddi. U anki minn kotba ta’ nies li illum, daqskemm għadda ż-żmien minn fuqhom, mhux tmermru!

Imma anki jekk dan il-ġisem, li jmut u jsir trab, jispiċċa, ruħu żgur li ma tispiċċax! Anzi! Tibqa’ tgħix. U tgħix għal dejjem! U, ir-ruħ, tibqa’ tgħix ukoll fl-esperjenzi miktuba tal-ħassieba l-kbar. Jiġifieri ta’ dawk li aqta’ kemm qattajna ħin, tista’ tgħid maratoni sħaħ, biex nistudjawhom! Biss mhux l-esperjenza ta’ dawn il-ħassieba kbar biss li tgħodd tafux! Fin-nofs hemm ukoll l-esperjenza tiegħek, għażiż qarrej u qarrejja. Għax int ukoll qed tgħix. Int ukoll qed taffaċċja l-ħajja. U taffaċċjaha kuljum. Jum wara jum. Bit-tlajja’ u l-inżul tagħha!

U propjru lilek u għalik dawn il-ħsibijiet li l-Mulej qed jagħtini illum. Issa li wasalna f’denb ta’ sena oħra. Ftit jiem ‘il bogħod mill-għeluq tagħha. Liema sena, jgħaddi kemm jgħaddi żmien, u idur kemm idur l-arloġġ tal-ħin u taż-żmien, qatt aktar m’hu se narawha aktar fuq wiċċ l-art. Għaddiet! U magħha hemm maħżuna ukoll il-mumenti fejn, bil-għajnuna tal-Mulej, għamilna l-ġid lill-proxxmu. Fiha hemm maħżuna l-mumenti fejn konna ta’ sostenn għal min kellu bżonn l-id ta’ ħniena li, il-qalb ħanina ta’ Alla tagħna (Lq 1:78), żejnietna biha. X’konsolazzjoni għalina li nafu li, meta stajna, f’din is-sena, konna ta’ ġid għal ħaddieħor! X’faraġ għalina kien meta għarafna li, u meta stajna, tajna id l-għajnuna tagħna lil min kien jinħtieġha! U x’ġab fija u fik dan kollu? Mhux paċi? Fejqan? U ferħ?

Daqstant ieħor imma, f’din is-sena li wasslet biex tintemm, kien hemm iva mumenti fejn, int u jien, aqta’ kemm tnikkitna! Le! Mhux qed nirreferi għall-waqtiet fejn weġġgħuna. Dawk, kważi kważi, illum, fid-dinja u fis-soċjetà tagħna, nistennewhom. U nistennewhom bil-bosta. L-għaliex xi nies huma li huma. Imsieken! Iżda qed nirreferi iva għall-mumenti fejn stajna konna ta’ ġid, u, minħabba l-biża u l-insigurtà tagħna, li rrendietna xi ftit kattivi wkoll, għalaqna qalbna. U għedna LE għall-għajnuna li dawn ħutna kellhom bżonn jirċievu mingħandna.

Kemm hu ikraħ ħbieb id-dnub tal-ommissjoni! X’rimors iġib! Ma ninsa qatt intervista ma’ kardinal anzjan li laqtitni fil-laħam il-ħaj. Dan il-kardinal, aktar ma bdiet il-mewt riesqa fuqu, aktar beda jħossu ħażin. Mhux l-għaliex m’għamilx affarijiet ħżiena u li bihom seta’ jċaqlaq xi edituri tal-gazzetti li jippubblikaw dak il-famuż artiklu minħabba ‘l-iskandlu’ jew ‘l-iskandli’. Xejn affattu! Imma dan il-kardinal kien beżgħan l-għaliex kellu jagħmel xi ġid u, minħabba l-biża’ tal-kritika, m’għamlux! U allura dan il-fatt ġagħlu tabilħaqq jibża’ bil-bosta mill-ġudizzju tiegħu.

Ma nagħtihx tort lil dan ħija kardinal fis-saċerdozju mqaddes. Hemm il-parabbola ta’ Ġesù ċara kristall dwar dak il-qaddej li kellu talent mar u ħbieh! Kemm ħrax għalih is-Sinjur meta ġie quddiemu! L-għaliex, is-Sinjur, ma jiflaħx le jara dan il-ħela ta’ żmien! Il-ħela ta’ enerġija f’li wieħed ma jagħmel xejn! Għax jibża’! Mela aħna, speċjalment fil-Knisja, ejjew noqgħodu b’seba’ mitt għajn! L-għaliex, il-ġudizzju tagħna, se jkun aħrax fuq li aħrax. Mhux l-għaliex niżbaljaw jew inkella l-għaliex aħna dgħajfin. Se jkun aħrax l-għaliex il-Mulej tana l-grazzja li nħobbu lill-oħrajn u, minħabba l-biża’ ta’ x’jistgħu jgħidu fuqna jew tat-tajn li jistgħu jitfgħulna, bqajna ma ħabbejiehomx! O kemm se jkun iebes fuq li iebes magħna s-Sinjur! Mela rgħajja agħtuna l-kuraġġ ħa nħobbu u mhux iġġibuna f’pożizzjoni li nibgħżu nħobbu. Jekk ma tridux intom ukoll tgħaddu mill-istess megħries ta’ ġudizzju mill-aktar kiefer tas-Sinjur. Wara kollox, u kif jgħid Ġesù, is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix (Mt 24:35).

Ejja mela nitkexkex mhux kif nidher quddiem ħaddieħor imma meta naħli ż-żmien fil-biża’ u hekk ma nħobbx! Issa li għadna ħajjin ejjew inħobbu lil xulxin b’kull mod possibbli! Qabel tasal is-siegħa fejn ma nistgħux inħobbu aktar għax nispiċċaw biċċa irħama bla ħajja!

It-tmiem is-Sena t-tajba lil kulħadd!

 

Patri Mario Attard OFM Cap