Protezzjoni tal-Minuri: L-Arċisqof Scicluna jgħid li s-silenzju hu inaċċettabbli

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 19 ta’Frar 2019: L-Arċisqof Charles Scicluna insista fuq l-importanza li l-Knisja ssir il-post sigur li għandha tkun. Huwa qal li dan hu l-għan tas-summit li qed jorganizza l-Papa Franġisku fuq l-abbuż sesswali fil-Knisja.

Is-sit newsbook.com.mt irrapporta dak li qal Mons Scicluna waqt il-konferenza stampa li saret ilbieraħ fil-Vatikan fejn l-Arċisqof huwa wieħed mill-membri fil-Kumitat maħtur mill-Papa stess apposta għal dan is-summit bl-isem Il-Protezzjoni tal-Minuri fil-Knisja.

Huwa insista li ma jistax ikun hemm silenzju dwar dan il-każ. Qal li r-risposta naturali għal dawn l-allegazzjonijiet hi ċ-ċaħda, imma jeħtieġ li l-Knisja titbiegħed minn din iċ-ċaħda u dan is-silenzju. Mons. Scicluna qal li dan hu propju għaliex it-tielet ġurnata tas-summit se tiffoka fuq it-trasparenza.

cq5dam.thumbnail.cropped.750.422Għall-mistoqsija tal-midja dwar jekk dan is-summit hux se jiddiskuti wkoll il-protezzjoni tal-adulti, minbarra mill-minuri, l-Arċisqof qal li l-prudenza meħtieġa fil-konfront tal-abbuż tal-minuri hija l-istess prudenza li wieħed għandu bżonn biex jaffaċċja l-abbuż tal-adulti.

Fir-rigward tal-Papa Franġisku, l-Arċisqof qal li l-Papa ma jippruvax jinħeba mir-realtà. Qal li hu impressjona ruħu bl-umiltà tal-Papa Franġisku. Iżda, minkejja kollox, hu importanti l-fatt li l-Papa ħejja dan is-summit, għax bih qed juri kemm verament jinteressah mill-iżbalji li saru mill-Knisja fil-passat.

L-Arċisqof irringrazzja lill-midja talli permezz ta’ ġurnaliżmu investigattiv, wasslet lill-Knisja f’dan il-punt, li tiddiskuti l-abbuż sesswali daqshekk fl-apert. Huwa aċċenna għall-film Spotlight li huwa storja vera dwar abbuż sesswali fil-Knisja fl-Amerka, meta l-ġurnalisti li jkunu qed jiżvelaw dawn l-istejjer jirrealizzaw li huma parti mill-problema, imma jirrealizzaw ukoll li jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni.

Qal li jeħtieġ li n-nies ikunu fuq l-istess paġna mal-Papa li ilu tant jitkellem fuq din il-kwistjoni, u dan hu l-għan ta’ dan is-summit. Mons. Scicluna qal li l-fatt li se jqattgħu xi jiem mal-Papa jiddiskutu s-suġġett hija esperjenza sabiħa fiha nfisha, għaliex tagħti lil dawk preżenti l-għarfien li jeħtieġu dwar is-suġġett fl-irwol tagħhom bħala r-ragħajja tad-djoċesi.

Skont Mons. Scicluna, fl-ewwel jum tas-summit, se tiġi diskussa r-responsabbiltà, fit-tieni jum il-kontabbiltà u fit-tielet jum it-trasparenza.

Is-summit immexxi mill-Papa se jsir mill-21 sal-24 ta’ Frar. Mal-Arċisqof fil-Kumitat maħtur mill-Papa, hemm ukoll il-Kardinal Blase J. Cupich, Fr Federico Lombardi, Fr Hans Zollner u Sor Bernardette Reis.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading