Evanġelju tat-Tlieta 12 ta’ Marzu 2019

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 6, 7-15

Din is-silta minn kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Mattew tkompli ma’ dik li qrajna nhar l-Erbgħa tar-Rmied, silta li tkompli mad-diskors tal-muntanja f’kapitlu 5. Ġesù ifisser il-bidla mill-għeruq meħtieġa minn dawk li jridu jimxu warajh. Għalih innifsu stess Ġesù juża l-verb ‘ħtieġ’ li minnu għandna n-nom ‘ħtieġa’. Malli wieħed jagħmel għażla, huwa meħtieġ minnu li jilqa’ bil-qalb dak li jwassal biex dik l-għażla sseħħ, biex id-deċiżjoni ma tibqax teorija jew idea jew xewqa, imma ssir rejaltà.

It-talb tagħna juri kif naħsbuha dwar Alla. Ġesù kontra t-tlablib żejjed fit-talb għax kien hemm l-ideja li iktar ma tgħid iktar tinstema’, jew fil-fatt, iddejjaq lil min qed titlob; teħodlu rasu biex tpbidlu l-attenzjoni fuqek għax forsi aljenat, jew ħsiebu f’xi ħaġa oħra jew f’ħaddieħor; ma tħallihx jinsiek; iktar kemm tgħatih titli u tfaħħru u tidilku bis-sapun u forsi tirrikattah xi ftit ukoll, ikta se jeġle sminnek malajr. Nafu kultant ħana stess, mit-talb li nużaw anke fi żmienna, li lil Alla rridu, qabel nitolbuh xi ħaġa, nivvintaw għal xhiex nirringrazzjawh, ngħidulu x’għamel s’issa, bħallikieku ma jafx, u, mingħalina, nonfħuh kemm nistgħu b’titli u attributi li ħafna drabi lanqas biss nafu t-tifsira tagħhom. Dan kollu jirrifletti li l-ideja tagħna ta’ Alla hija mibnija fuq il-bnedmin li għandhom is-setgħa, li nittalbu l-għajnuna tagħhom bħallikieku xi pjaċir li jistgħu jagħmlulna. Alla mhux hekk. Alla jaf x’għandna bżonn qabel nitolbuhulu. It-talb ta’ iben Alla ma jitkejjilx bit-tul u bil-kwantità iżda bil-piż u bil-kwalità. Mulej jiena għandi bżonnok, kienet it-talba ta’ Dun Ġorġ; erba’ kelmiet biss, imma erba’ kelmiet li jfissru kollox.

Il-maħfra hija wkoll ħtieġa. Mhix għażla. Il-maġfra hija meħtieġa għax mingħajrha kollox jeħel, kollox jieqaf. Aħna niftaħru li nżommu l-punt, irridu dejjem ir-raġun, ma nċedux pulzier u niftaħru b’dan kollu daqs likieku dan hu li jagħmilna qawwijin quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. Niftaħru b’dak li jmissna nistħu minnu. Nikkuntentaw b’dak li jwaħħalna mal-imgħoddi tagħna u ma jħalliniex nagħmlu pass ta’ nemlu ’l quddiem. Il-maħfra hija rigali li jiena nagħti lili nnifsi, nifs li Alla jagħtini minn tiegħu stess biex l-imgħoddi ma jxekkillix il-preżent. Jekk aħna ma naħfrux ifisse rli ma nemmnux fil-ħtieġa tal-maħfra; kif nistgħu imbagħad nitolbu lil Alla dak li ma nemmnux fih, dak li għalin ama għandu ebda valur?

Bejn il-ħtieġa tal-umiltà u l-kwalità fit-talb u l-ħtieġa tal-maħfra, Ġesù jgħallimna bi kliem poetiku u tqil bit-tifsir, it-talba tal-Missierna. Fiha juri li jaf sew lil Alla l-Missier u jaf sew lill-bnedmin li jduru lejh biex jitolbuh. Xejn żejjed xejn nieqes. Fiha hemm biss il-meħtieġ, l-indispensabbli, in-neċessarju. Ftit kliem, ħafna piż. Mhix biss talba li tgħid iżda mod kif tgħix. Kull kelma li fiha tista’ ssir rejaltà jekk tħoss il-ħtieġa tagħha. Kull kelma, kull frażi hija meqjusa u tfassal il-ħajja ta’ min jitlobha.

Kumment wieħed fuq it-talba. Ġesù jgħidha f’isem l-ewwel persuna tal-plural mhux singular. Aħna. Hija t-talba ta’ ‘aħna’, tagħna mhux ta’ ‘jiena’ tiegħi. Għandha qawwa kbira u tfisser il-qofol tagħha meta nitlobha ma oħrajn jew meta nitlobha waħdi f’isem kull min lil Alla jsejjaħlu ‘Missier’.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading