Lectio Divina għat-2 Ħadd tar-Randan. Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq, 9, 28-36):   Bil-Grieg tintuża l-kelma metamorfosi  mhux trasfigurazzjoni.  Aħna din nużawha meta dudu jsir farfett.  Hawn min jitqażżeż  meta jara ċertu dudu, imma jammirah meta jinbidel f’farfett sabiħ. Sitt ijiem qabel din il-ġrajja,  f’Ċesareja ta’ Filippu, Ġesu staqsa lill-Appostli: “Min tgħidu li jien?”  Pietru wieġbu:  “Int il-Messija.”  Wara din l-istqarrija ta’ fidi, Ġesu ried ifissrilhom x’jiġifieri tkun Messija u x’kienet il-missjoni Tiegħu. Din kienet se twasslu għaċ-ċaħda u l-mewt  f’Ġerusalemm.

Pietru, b’raġunar tal-bnedmin ta’ dak iż-żmien, beda jlum lil Ġesu: “Min jagħti ħajtu għall-oħrajn huwa bniedem fallut.”  Ġesu ċanfru u għajjatlu ‘xitan’ (ara n-noti tal-Ħadd li għadda) għax kien qed jittantah biex ma jwettaqx it-rieda tal-Missier.  Illum Ġesu ried juri lit-tliet appostli li, dak li f’għajnejn in-nies jidher ikrah u fallut, jista’ jkun sabiħ u ta’ suċċess.  Riedhom jagħmlu esperjenza mill-viċin tal-wiċċ u tal-presenza tal-Missier.  Illum qed jistieden lilna wkoll biex inħarsu lil hinn mill-bniedem fallut fuq salib u nagħmlu esperjenza tal-istess bniedem mibdul f’wieħed glorjuż u li jittrasmetti l-Wiċċ imdawwal tal-Missier Etern.

  1. Pietru, Ġwanni u Ġakbu huma magħżula llum u aktar tard fl-Ort tal-Ġetsemani.
  2. “Tela’ fuq muntanja ”, i.e. il-post fejn wieħed jinqata’ mid-dinja u jagħmel kuntatt aktar mill-viċin m’Alla. Biex nagħmlu l-esperjenza tal-lum, anki aħna rridu ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja – hawn min jagħmel ħin ta’ talb fil-kwiet (quiet time) fil-kwiet tad-dar jew f’xi kappella. Oħrajn imorru f’xi dar tal-irtiri, jattendu prayer group jew Lectio Divina.   Irridu ninqatgħu mhux biss mill-istorbju imma wkoll mir-raġunar u l-kriterji tad-dinja.  F’dan is-silenzju, waqt ir-riflessjoni u l-meditazzjoni, il-Mulej se jtina l-grazzja li nagħmlu esperjenza tal-preżenza ta’ Kristu fil-glorja tiegħu, u nħossu l-ferħ ġenwin li ħassew l-Appostli. Mose’ u Elija kienu ppreparaw il-poplu Lhudi għall-glorja t’Alla.
  3. Mose’ darba staqsa lil Alla biex jara wiċċu. Alla qallu: “Ħa ngħaddi minn quddiemek imma se ngħattilek għajnejk.  Wara li nkun għaddejt tista’ tiftaħ għajnejk u tara l-glorja tiegħi fl-opri li nkun wettaqt.”
  4. Elija wkoll kien tela’ fuq muntanja (Ħoreb) biex ifittex lil Alla. Ma sabux fit-terrimot jew fit-tempesta, imma f’żiffa ħelwa, fil-vuċi tas-silenzju.  Din kienet preparazzjoni għall-miġja ta’ Kristu li kellu juri lid-dinja id-dawl tal-Missier.
  5. Pietru tant għoġbitu dix-xena li ried iwaqqaf l-arloġġ. “Intellgħu tliet tined”, i.e. ħa nibqgħu hawn u nkomplu ngawdu dan il-wiċċ ġdid ta’ Kristu għal dejjem.”  Mela jekk aħna nitilgħu il-muntanja (inħallu warajna l-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin) , aħna wkoll nibdew induqu dal-ferħ, għax naffaxxinaw ruħna meta naraw lil Kristu kif jaraH il-Missier. Ġesu ħa t-tliet Appostli għalihom, imma fuq l-għolja kienu ħaġa waħda – kommunita.  Aħna nitilgħu l-għolja kull darba li niltaqgħu bħala kommunita għat-talb u għall-qsim tal-Ewkaristija.  Din għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ kbir għax hemm kuljum nitgħallmu dejjem iżjed kif niċħdu l-kriterji u l-valuri tad-dinja u nħaddnu dawk tal-Kelma t’Alla.  Imma ma nistgħux nibqgħu fuq il-muntanja l-ħin kollu.  Irridu nerġgħu lura fid-dinja biex inħajru lil ħutna iħaddnu dak li ksibna aħna.
  6. “Ġiet sħaba u għattiethom….” Sħaba s-soltu ġġib id-dlam.  Din tfisser li dment li għadna f’did-dinja qatt m’hu se naraw lil Alla kif inhu.  Dejjem se jkun hemm mumenti ta’ dlam. ċpar, misteru.  Imma minn qalb is-sħaba toħroġ il-vuċi t’Alla:  “Dan hu Ibni l-Maħtur….”  Darb’oħra biss smajniha din il-vuċi: fil-magħmudija ta’ Ġesu.  Dak in-nhar Ġesu ma deherx waqt li kien qed jagħmel il-mirakli, imma deher bħala midneb li kellu bżonn il-magħmudija ta’ Ġwanni.  Għalhekk il-Missier jikkonferma lin-nies:  “Dan m’huwiex il-midneb li qed taraw intom, imma Ibni l-Għażiż.” Illum fuq it-Tabor il-Missier jerġa’ jikkonfermalna: “F’Ibni l-Għażiż għandkom taraw lili.  Mela, isimgħu Lilu.”  In-Nisrani jrid jisma’ lil Ġesu billi jaċċetta l-proposti tiegħu.  In fatti it-tliet appostli li raw id-dija ħierġa mill-wiċċ Divin ta’ Ġesu, issa, għal dil-proposta, waqgħu wiċċhom fl-art  bil-biża’.  Kull tant il-proposti li jagħmlilna Ġesu m’humiex faċli.  Anzi xi kull tant huma tal-biża’ għax huma mpenjattivi ħafna.  Għalhekk Ġesu resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. la tibżgħux!” Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb, ejjew aħna wkoll nistħajlu lil Ġesu jgħidilna biex inqumu fuq saqajna u ma nibżgħux.  Niftakru li kien hu li l-ewwel ta ħajtu għall-oħrajn.
  7. Fir-rakkont ta’ Mattew insibu li: “Huma refgħu għajnejhom u raw lil Ġesu biss.” Issa li għandna d-Dawl, ix-xogħol ta’ Mose’ u Elija intemm.  L-espressjoni “refgħu għajnejhom” tħabbar li xi ħaġa sabiħa se tiġri dal-waqt.  Eżempji: (a) Meta Alla qal lil Abram:  “Erfa’ għajnejk u ara tistax tgħodd il-kwiekeb” – riżultat: Alla għamel patt mal-poplu Lhudi;  (b) ..lil Mose: “Ħares lejn il-Lvant u l-Punent” – riżultat: Alla ta b’wirt l-Art Imwiegħda lill-poplu magħżul Tiegħu; (c) Meta Ġesu refa’ għajnejh lejn is-sema qabel xi miraklu; jew biex jara l-Żakkew fis-siġra.   Jekk għad hawn il-faqar u l-gwerer fid-dinja forsi għax mhux qed nerfgħu għajnejna lejn is-sema aktar ta’ spiss.
  8. Wara din l-esperjenza, l-Appostli niżlu minn fuq il-muntanja, persważi li, biex jgħinu lill-oħrajn jiskopru il-vera identita ta’ Kristu, kien meħtieġ li jservuhom. Aħna għandna bżonn nagħmlu l-istess.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.