Fis-skiet ta’ qalbna, ejjew nintelqu f’idejn Alla l-Missier, Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu.
Tifħir kollu lilek, O Alla li jista’ kollox, li qiegħed hawn preżenti, f’nofsna. Int Sid il-ħolqien, u Alla li jista’ kollox. (3 sek pawsa)
Mulej Ġesù, Inti l-Ħaruf, il-Ħobż tal-anġli, l-ħabib ta’ kulħadd. Inti d-Dawl tad-dinja. Bid-dija tal-imħabba Ewkaristika tiegħek, Inti tkeċċi d-dlam minn moħħna u minn qalbna, biex inkunu nistgħu nifhmu l-għoli u l-fond tal-imħabba kbira li għandek għalina. O Spirtu Qaddis, aħna għatxana għalik u għad-doni tiegħek li Int tagħtina, hekk kif se nqattgħu dan il-mument miegħek fit-talb. (10 sek pawsa)
Mulej, ħarstek issaħħarni u tiġbidni Lejk,
aħkimni, ikunsmani bħal xemgħa f’riġlejk.
Quddiemek miġbura Fik insib tant wens,
fl-Ispirtu nqimek ħa nkun bħal inċens.
Meta nfittex ġewwa fija, nilmaħ biss nuqqasijet,
Int titlobni nagħtihomlok, biex teħlisni mill-ħtijiet.
Jien ukoll għandi xi ngħidlek: iskot u ismagħni ftit,
ħalli ngħidlek x’nixtieq, u x’inhu dak li rrid.
Mhux se ninżel minn fuq l-għuda, b’idi nibqa’ miftuħin,
l-istedina hi dejjema lesta, li nħaddnek miegħi kull ħin.
Ibqa’ ejja hawn maġenbi u ġibli bosta erwieħ,
għax meta narahom salvati, hemm tassew qalbi tistrieħ.
Silenzju 2min
Innu: ______________________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 13, 44-52
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
“Għax fejn hemm it-teżor, hemm tinsab qalbkom ukoll” (Lq 12,34). Il-persuna ta’ Ġesù, b’dak kollu li għamel u għallem saħħret miljuni ta’ nies, fosthom lilna wkoll. Ġesù jrid ikun l-veru teżor ta’ qalbna, li mingħajru ma noqgħodux.
Jekk dan ir-raġel tal-parabbola bigħ kollox, ta ġidu kollu biex jikseb teżor f’għalqa; jekk dak in-neguzjant bih kull ġawhra oħra li kellu, biex jakwista dik li kien ilu jfittex; kemm aktar aħna, Mulej, jeħtieġ li nagħtu kollox basta niksbu lilek f’ħajjitna? Inti dik il-ġawhra fina, inti dak it-teżor moħbi, li jien għandi ngħożż sewwa. (3 sek pawsa)
Kemm, aħna boloħ Mulej, li nġemmgħu teżori materjali. Naħsbu, l’iktar ma għandna, iktar se nkunu ferħanin. Ninsew, li kollox jispiċċa, kollox jitmermer u jtir mar-riħ. Naħsbu li se nieħdu kollox magħna.
Imma l-veru ferħ jiġi biss meta nakkwistaw lilek, li nħallu lilek tkun is-Sid ta’ ħajjitna. U bħal San Pawl ngħid: “Ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qliegħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi” (Fil 3:8).
Silenzju/ soft background music 1min
Aktar minn hekk, biex niksbu t-teżor moħbi tas-Saltna tas-Smewwiet, jeħtieġ li nfittxu lil Alla, billi nagħmlu r-rieda tiegħu. T-tfittxija tagħna tinvolvi sagrifiċċji, ħajja ta’ impenn u talb. Li jkollna t-teżor moħbi, jew il-ġawhra tas-Saltna ta’ Alla, jfisser, l-ewwelnett irridu ngħixu l-imħabba, l-maħfra, u nuru l-ħniena lil kull persuna oħra; u li nosservaw it-tagħlim tal-Knisja. Iva, għandna bżonn niskopru fina u fil-ħajja tal-persuni ta’ madwarna, dak li hu tajjeb, dak li hu veru, dak li hu sabiħ, biex verament insiru strumenti ta’ Alla għal xulxin; li nġibulhom il-paċi u l-hena tassew. (3 sek pawsa)
Mulej Ġesù, nitolbuk biex tgħinna u tiggwidana, ħalli nfittxu lilek biss. Għaliex meta tkun magħna, għandna l-veru teżor ta’ ħajjitna. Għinna, ħalli narawk f’kull persuna li Inti tlaqqana magħha. Agħmel li l-għażliet li nagħmlu f’ħajjitna, jkunu għażliet imdawwlin minnek u mill-Ispirtu Qaddis tiegħek.
Silenzju 1min
Maria Pia De Gasperi, t-tifla ta’ Alcide De Gasperi, Prim Ministru Taljan, waqt intervista li għamlulha, staqsewha kif tixtieq li jibqa’ mfakkar missierha. Tafu x’wieġbet? ‘Come uomo di fede’ – ‘bħala bniedem ta’ fidi’.
Jalla kull wieħed u waħda minna nibqgħu imfakkra bħala bnedmin ta’ fidi, bnedmin ta’ Ġesù. Imma jeħtieġ, li verament niltaqgħu miegħek O Ġesù, niltaqgħu miegħek b’mod ġdid, personali, b’konvinzjoni, bħala Ħabib u Salvatur. Għax kif jgħid Santu Wistin: “Ħlaqtna għalik O Alla, u qalbna ma ssibx kwiet, jekk ma tistrieħx Fik”.
Silenzju 2min
Innu: Jien darba f’għalqa sibt teżor (Suġġeriment)
Salm Responsorjali
R/. Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek.
R/. Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.
Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi.
R/. Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.
Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
Jekk insib ruħi fl-għali, inti tħarisli ħajti;
terfa’ idek kontra l-għedewwa tiegħi.
R/. Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.
Il-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk!
R/. Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.
Kant: Dal Misteru