Kitba ta’ Joe Galea
Il-Kardinal Albaniż Ernest Simoni, li bata 18-il sena fil-ħabs minħabba l-fidi Kattolika wassal lid-dinja pariri f’intervista lil dawk li llum qed jiffaċċjaw persekuzzjoni u tbatija kbira u offra kuraġġ liż-żgħażagħ, bikliem bħal: “Ma’ Ġesù kollox huwa sabiħ.”
Il-Kardinal Simoni għandu 97 sena. L-awtorità li biha jitkellem hi frott ta’ tassew għoli. Lejlet il-Milied tal-1963 ġie arrestat wara li ċċelebra Quddiesa b’suffraġju għar-ruħ tal-President John F. Kennedy, li kien inqatel. Ir-reġim komunista tal-Albanija kkundannah għall-mewt sempliċement għax kien qed jeżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu. Aktar tard is-sentenza nbidlet għal 18-il sena fil-ħabs.
Matul iż-żmien tiegħu fil-ħabs ġarrab tortura u kundizzjonijiet ħorox ħafna. Minkejja dan, baqa’ jamministra s-sagramenti bil-moħbi u qatt ma ċeda għall-pressjoni biex jiċħad il-fidi jew jikkundanna lill-Knisja fl-Albanija li fl-1967 saret l-ewwel stat ateju fid-dinja. Wara l-ħelsien tiegħu fl-1981 baqa’ jitqies bħala għadu tal-poplu u ġie mġiegħel jaħdem fil-minjieri u fid-drenaġġi. Madankollu, baqa’ jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu fil-moħbi sal-waqgħa tar-reġim komunista fl-1990. Il-Papa Franġisku, li sejjaħ lill-Kardinal Simoni martri ħaj, innominah Kardinal għaxar snin ilu, f’Novembru.

Il-Kardinal Simoni fil-Bażilka tal-Vatikan, fil-25 ta’ Ottubru 2025
F’l-intervista fit-28 ta’ Ġunju ta’ din is-sena f’Ruma, wara t-tieni Konsistorju tal-Kardinali msejjah mill-Papa Ljun XIV, il-Kardinal Simoni indirizza lil dawk li llum qed jiġu ppersegwitati minħabba l-fidi. Filwaqt li kkwota l-Iskrittura Mqaddsa u l-esperjenza tiegħu fil-ħabsijiet u l-kampijiet tax-xogħol, il-Kardinal Albaniż insista li l-fedeltà lejn Kristu, l-osservanza tal-Kmandamenti u s-sehem fis-sagramenti mhumiex ideali astratti, iżda huma t-triq li biha l-insara jistgħu jifilħu għall-attakki ta’ ideoloġiji u reġimi li huma kontra l-Evanġelju.
Bħala wieħed li qatt ma ċeda għall-mibegħda lejn dawk li ppersegwitawh u li saħansitra ċċelebra l-Quddiesa għall-konverżjoni u s-salvazzjoni tagħhom, il-Kardinal Simoni ħeġġeġ lill-insara biex jgħaqqdu flimkien it-talb, il-penitenza, il-maħfra u l-imħabba lejn l-għedewwa u jaraw it-tbatija għal Ġesù bħala sehem misterjuż fil-ferħ tal-Qawmien. Huwa ta wkoll pariri pastorali liż-żgħażagħ.
Mistoqsi dwar x’parir jagħti lil dawk li llum qed jiġu ppersegwitati minħabba r-reliġjon Nisranija u minħabba l-mibegħda lejn il-fidi, bħalma ġralu hu fil-Lvant Nofsani u f’pajjiżi oħra, il-Kardinal Simoni tkellem lejlet il-festa tal-Appostli San Pietru u San Pawl, iż-żewġ appostli li Ġesù għażel biex iwaqqaf il-Knisja. Jgħid: “Ġesù staqsa lil San Pietru: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem?” Huma wieġbuh: “Xi wħud jgħidu Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija; u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti. Imbagħad Ġesù staqsa: “Imma intom, min tgħidu li jien?”
Xmun Pietru wieġeb: “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj”. “Dan hu, jgħid il-Kardinal, dak li għandu kull setgħa fis-sema u fl-art, li ġie biex isalva lill-popli kollha ta’ kull żmien, sal-miġja tiegħu mill-ġdid biex jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin. Għalhekk, ibqgħu sodi fil-fidi.”
“Li nħarsu l-Għaxar Kmandamenti jfisser li nattendu għall-Quddiesa Mqaddsa, inqaddsu ż-żwieġ u nirrifjutaw kull forma ta’ mġiba immorali, għax, kif jgħid San Pawl, għandna ngħixu ħajja qaddisa bħal Ġesù. Dawk li huma ma’ Ġesù sallbu l-ġisem tagħhom flimkien mal-passjonijiet u x-xewqat tiegħu. Huwa meta nkunu magħqudin ma’ Ġesù u bl-għajnuna tal-grazzja divina li nirbħu t-tentazzjonijiet u l-istediniet kollha li Satana juża biex jeqred lis-soċjetà u lill-Knisja Kattolika. Irreżistu permezz tat-talb, il-penitenza u s-sawm.”
“Is-Saltna ta’ Alla tinsab fina; kull għemil għandu jsir għall-imħabba ta’ Ġesù; kull att ta’ maħfra għandu jkun għall-għedewwa tagħna. Ħobbu lill-għedewwa tagħkom; itolbu għal ħbiebkom. Ġesù jgħid li l-ferħ bla tmiem ma jistax jidħol fil-qalb tal-bniedem jekk ma nkunux fidili għat-tagħlim tiegħu. Imbagħad Hu jafdana f’idejn Missieri fis-smewwiet. Din mhijiex wegħda ta’ qassis jew ta’ xi ħadd importanti, iżda ta’ Ġesù tagħna, mimli mħabba, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li għandu s-setgħa tal-Qawmien, kif jgħid San Pawl. Kieku ma kienx hemm il-Qawmien, il-fidi tkun sabiħa, iżda ma tkun tfisser xejn. Ġesù rebaħ il-mewt. Ġesù tana l-Qawmien. Għalhekk ħadd ma jmut tassew. Il-ġisem jinbidel, iżda r-ruħ immortali tibqa’ skont l-għemejjel li nkunu għamilna.”
“Għalhekk hemm bżonn tal-perseveranza, tat-tama, tat-talb, tal-maħfra, taċ-ċaħda tagħna nfusna u tar-Rużarju Mqaddes lill-Verġni Marija biex niksbu l-grazzja ta’ Alla u nagħrfu l-verità. Aħna pellegrini, u ma’ Ġesù kollox huwa sabiħ. Kif qal Hu stess: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Ġisimna jitmermer fl-art, iżda r-ruħ immortali tgħix għal dejjem, għax Ġesù huwa r-rebħa fuq il-mewt u dak li jagħti l-ħajja u l-ferħ veru.”
Il-Kardinal kellu wkoll parir għal dawk li llum qed ibatu ħafna? “Kif jgħid Ġesù: Intom li m’għandkomx dar, li m’għandkomx flus, li m’għandkomx qmis x’tilbsu, li m’għandkomx żraben, li m’għandkom xejn, ejjew għandi. Ejjew ilkoll bħat-tfal; ejjew għandi issa, u jiena nerfagħkom għall-ferħ bla tmiem, għall-Ġenna Imma fittxu l-ġustizzja u l-glorja tal-Mulej, u kollox jingħatalkom.”
“Ġesù jgħidilna, u hekk tgħid ukoll l-Iskrittura Mqaddsa, biex “nitolbu bla waqfien.” Ma jgħidx li nitolbu siegħa jew tnejn biss. Fi kliem ieħor, waqt ix-xogħol, waqt li nwettqu d-dmirijiet u l-impenji tagħna, qatt ma għandna ninsew it-talb, għax it-talb huwa l-kewkba li ddawwalms u tmexxina lejn Ġesù flimkien mal-Verġni Mqaddsa Marija.”
“Meta jippersegwitawkom, meta jġegħlukom tbatu, meta jitfgħukom il-ħabs, ifirħu. Id-dinja tfittex il-ġid materjali u l-pjaċiri tagħha. Imma intom diġà rbaħtu lid-dinja, għax għandkom it-tama. Dan kollu jgħaddi, u t-tbatija kbira li ġġorru llum tgħaddi wkoll. Dak li jibqa’ huwa d-dawl u l-ferħ li ħadd ma jista’ jfisser bil-kliem. Hemm tama għal kull min illum qed ibati minħabba Ġesù. Li tbati għal Ġesù huwa ferħ bla tmiem li qed jistenniena.”
U x’kien li jagħtih is-saħħa biex jissaporti matul il-persekuzzjoni? Iwieħeb: “Il-grazzja ta’ Alla u l-għajnuna tiegħu. Meta l-ewwel martri, San Stiefnu, mexa fuq il-passi ta’ Ġesù u kien qed jiġi mħaġġar sal-mewt, qal lill-għedewwa tiegħu: “Nara s-smewwiet miftuħa u lil Ġesù wieqaf fuq il-lemin tal-Missier, li wegħedni l-ferħ bla tmiem.” Dan huwa d-destin ta’ kull min jibqa’ fidil lejn Ġesù u jgħaddi minn prova vera.”
Għall-mistoqsija jekk qatt xi darba użax kliem ta’ mibegħda lejn dawk li ppersegwitawh, il-Kardinal Simoni qal: “Qatt ma bgħadthom. Saħansitra kont niċċelebra l-Quddiesa għas-salvazzjoni tagħhom waqt li kienu għadhom ħajjin. Kollox jgħaddi: is-smewwiet kif nafuhom, is-sbuħija ta’ din id-dinja, il-ġid, il-pjaċiri, il-biljunarji u dawk kollha li għandhom il-poter. Aħna ġisem li jmut fuq din l-art, iżda r-ruħ hija immortali. U fuq kollox hemm il-Madonna, il-Verġni Marija, li bħal omm qatt ma tiġġudika, iżda tidħol għalina bla waqfien quddiem Alla biex isalva lid-dinja kollha u lill-popli kollha.”