- L-alternattivi kollha għal aċċessibbiltà aħjar bejn Malta u Għawdex, u liema minn dawn l-alternattivi—waħda jew aktar—toffri/joffru l-aħjar aċċessibbiltà b’mod sostenibbli mil-lat ekonomiku, operazzjonali, ambjentali u soċjali;
- L-opportunitajiet ta’ xogħol u investment f’Għawdex li jistgħu jinħolqu permezz ta’ dawn l-alternattivi;
- Il-fatturi li xorta jżommu investituri milli jinvestu f’Għawdex meta dawn l-alternattivi, jew għall-inqas xi waħda minnhom, ikunu twettqu.
L-istudji u l-istħarriġ ippubblikati, għandhom jinkludu l-metodoloġiji li ntużaw u l-kwestjonarji li ġew amministrati (fejn dan kien il-każ). Il-KA tħoss li ma teżisti l-ebda informazzjoni soda u rigoruża, u li hija pubblika, li biha wieħed ikun jista’ jgħarbel l-alternattivi kollha biex l-aċċessibbiltà titjieb tassew. Bħalissa l-pubbliku qed ikun magħluf b’informazzjoni u asserzjonijiet li mhumiex sostanzjati b’evidenza li hija pubblika. Minkejja l-wegħdiet li saru fl-imgħoddi, l-alternattivi ta’ vapur ieħor għall-Gozo Channel u fast ferry service għadhom ma twettqux, filwaqt li s-servizz ta’ emerġenza ta’ ħelikopter bejn l-isptar ta’ Għawdex u dak ta’ Malta mar lura.
Fin-nuqqas ta’ titjib ta’ servizz eżistenti u/jew introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li ma jirrekjedux investimenti sostanzjali meta mqabbla ma’ mina, bilfors jissaħħu l-argumenti favur mina, meta l-alternattivi la jingħataw iċ-ċans jaraw id-dawl u wisq anqas nilħqu naraw l-effett tagħhom. Barra minn hekk, il-KA ittenni dak li qalet f’Ottubru tal-2013: biex ikun hemm deċiżjoni matura dwar il-proġett finali, il-prezz li wieħed irid iħallas għas-servizz ta’ aċċessibbilità għandu jkun studjat bil-galbu u ppubblikat minn qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ liema alternattiva hija l-aħjar.
L-aspett ekonomiku wkoll għandu jiġi studjat fid-dettall. Jeħtieġ immorru lil hinn mill-idea li aċċessibbiltà aħjar (tkunx il-mina jew kwalunkwe mezz ieħor) tista’ ssolvi l-problemi kollha ekonomiċi u ta’ investiment f’Għawdex. Hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw jekk investitur jinvestix jew le f’Għawdex, u mina tista’ ma tindirizza l-ebda minn dawn il-fatturi. Il-KA tistenna li ssir u li tkun ippubblikata b’mod sħiħ Analiżi tal-Ispiża u l-Benefiċċji (Cost–Benefit Analysis, CBA) tad-diversi alternattivi għall-mina għall-vetturi biss.
Il-KA tinsisti li:
- Il-proġett ta’ konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer huwa ta’ rilevenza strateġika nazzjonali u għandu dejjem jinħaseb fil-kuntest ta’ titjib tal-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u t-titjib ekonomiku tal-pajjiż kollu;
- Il-prinċipju li l-poplu Malti u Għawdxi kollu għandu jkollu aċċess adegwat għas-servizzi amministrattivi, edukattivi, saħħa u trasport b’mod ugwali huwa inaljenabbli u ma jistax jiġi kkundizzjonat mill-preżenza ta’ mezz wieħed ta’ konnettività;
- Il-Pjan Lokali għal Għawdex u l-Pjani Lokali l-oħra tal-pajjiż kollu, li issa ilhom lesti s-snin, għandhom jiġu ppubblikati sabiex kulħadd iserraħ rasu li ż-żoni tal-iżvilupp ma jitwessgħux. Barra minn dan, il-Gvern għandu jemenda r-Rural Policy and Design Guidance u l-Fuel Stations Policy biex isalva l-kampanja mill-isfreġji li qed isiru minħabba dawn l-istess policies.