Ġesu’ ma jridx li nimxu mingħajr Omm


Il-Ħadd, 31 ta’ Marzu 2019: Omelija mill-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex waqt l-Acies tal-Leġjun ta’ Marija fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.
acies-2019-3.jpg

ĠESÙ MA JRIDX LI NIMXU MINGĦAJR OMM

Jidher li l-familja li dwarha jitkellem Ġesù fil-parabbola (Lq 15:11-32) kienet waħda tat-tajjeb! Fil-fatt, kellhom ħafna għelieqi, kienu jrabbu l-għoġiela u l-gidien, kellhom ħaddiema jaħdmu magħhom u kienu jitħallsu sewwa, tant li l-iben iż-żgħir jgħid li kellhom “ħobż bix-xaba’”, ma kinux mitluqa fi lbieshom, tant li meta t-tifel ġie lura d-dar missieru ordna lill-qaddejja biex iġibulu l-isbaħ libsa, ilibbsulu ċurkett u jagħtuh sandli. Fi kliem ieħor, kienet familja li kellha l-ġid.

Imma jekk din il-familja kien irnexxielha tagħmel suċċess materjali, umanament kienu fqar ħafna. Meta niflu ftit il-karattri taż-żewġ uliedhom jidher ċar li t-trobbija kienet falliment. It-tifel il-kbir tant kellu qalb xierfa li mhux biss ma jurix interess f’ħuh li “kien mitluf u nstab”, imma, mikul bl-għira, lanqas ried li missieru jagħmillu festa. Ma ħamilx jara lil missieru jifraħ! Mhux talli ma fehemx lil missieru, talli jipprova jgħaddih proċess u jkiddu. Il-fatt li lanqas isejjaħ lil ħuh iż-żgħir b’ismu jikkonferma li bejn l-aħwa ma kien hemm ebda relazzjoni.

L-imġiba tat-tifel iż-żgħir tikxef l-immaturità tiegħu. Biex jikseb l-awtonomija u l-libertà talab lil missieru jaqsmilhom ġidu ħin qabel il-waqt u abbanduna l-familja. Bl-għan li jissodisfa x-xewqat libertini tiegħu, qaċċat ir-relazzjoni li kellu ma’ missieru u ħuh. Xejn ma wera li kien għaqli fl-amministrazzjoni ta’ ħwejġu tant li “berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra” u “ħela kulma kellu”. Fi kliem ħuh il-kbir, dan kien xalatur jiġri man-nisa żienja. Il-fatt li meta ġie dahru mal-ħajt mar jaħdem fir-raba’ jirgħa l-ħnieżer u “jimla żaqqu bil-ħarrub” juri biċ-ċar li kienx rawwam fih ħiliet kbar.

X’kien hemm nieqes fil-ħajja ta’ dawn it-tnejn biex kellhom daqshekk vojt? Huwa evidenti li figura importanti bħalma hija l-omm ma tissemma xejn fil-parabbola. Huwa minnu li Luqa jattribwixxi lill-missier kwalitajiet materni, imma xejn ma jieħu post il-preżenza tal-omm fil-familja. Bit-tenerezza, il-ħlewwa, l-imħabba u l-intuwizzjoni tagħha, l-omm kienet tagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawn l-ulied. Hija kienet tieħu lil wieħed u lill-ieħor fi ħdanha u bis-seħer matern tagħha kienet tgħinhom jibnu relazzjoni filjali ma’ missierhom u fraterna bejniethom. Bil-mod tipiku tagħha ta’ omm il-parir it-tajjeb hija kienet tfehemhom, tikkoreġihom u tirbaħhom. Ma jistax jonqos li kienet tgħin fil-proċess ta’ rikonċiljazzoni biex terġa’ twaqqaf ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Għalhekk l-assenza tagħha mhux fattur insinifikanti, għax kieku l-omm kienet preżenti, kieku l-istorja kienet tieħu żvolta oħra.

Fl-Ittra Pastorali li aħna l-Isqfijiet wassalnielkom fil-bidu ta’ dan ir-Randan semmejna diversi djar fejn hemm id-diffikultajiet. L-istorja tal-parabbola tal-lum tagħmel preżenti għalina tip ta’ dar oħra li nitħassbu dwarha: dik id-dar fejn għal xi motiv jew ieħor m’hemmx il-preżenza taż-żewġ ġenituri. Huma l-ulied infushom li jfissru x-xewqa li l-ġenituri ma jkunux assenti minn ħajjithom. Napprezza li ħafna ġenituri jagħmlu sagrifiċċji biex kemm jista’ jkun ma jċaħħdux lil uliedhom mill-kura paterna u materna tagħhom. Dan jgħodd b’mod partikulari għall-ommijiet. Kif jikteb il-psikoanalista Massimo Recalcati, ħafna drabi għall-ulied li jkunu jitrabbew, “il-wiċċ tal-omm huwa l-wiċċ tad-dinja”.

Daqskemm l-omm hija meħtieġa fid-djar tagħna, daqshekk ieħor u aktar il-preżenza tal-Omm għandna bżonnha għall-esperjenza spiritwali li nagħmlu fi ħdan il-komunità ekkleżjali. Jekk irridu nibnu relazzjoni personali matura mal-Missier Alla u fl-istess waqt ikollna relazzjonijiet tajba bejnietna, neħtieġu l-preżenza ta’ Ommna Marija. Fi kliem il-Papa Franġisku, “kull darba li nħarsu lejn Marija, insiru nemmnu aktar fil-qawwa rivoluzzjonarja tat-tenerezza u l-imħabba”. Għalhekk intennilkom: la tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom id-dar. Għax jekk Ommna Marija tkun assenti mid-“dar” tagħna (il-Knisja), ikollna nħabbtu wiċċna ma’ problemi funzjonali mhux żgħar.

San Lwiġi Marija Grignon de Montfort fit-Trattat dwar il-vera devozzjoni lejn Marija jikteb: “Jien konvint li ħadd ma jista’ jasal għall-għaqda mal-Mulej u għall-fedeltà perfetta lejn l-Ispirtu s-Santu jekk ma jkunx magħqud ma’ Marija u ma jkollux is-sokkors tagħha”. F’paġna oħra l-istess qaddis jikteb li “bir-rieda ta’ Alla, Marija hija neċessarja għall-bnedmin” – ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Hija t-triq li twassalna għand Kristu u li minnha Kristu jasal għandna. Huwa għalhekk li fl-Ittra Pastorali għedna li minn fuq is-salib Ġesù “jibgħatna għand Marija – jibgħatna għandha għax ma jridx li nimxu mingħajr Omm”. Marija tiġbed lil Ġesù warajha. Fejn hemm hi, ikun hemm hu.

Għeżież Leġjunarji, f’isem il-Knisja f’Għawdex nitlobkom tgħinuna biex nagħmlu lil Ommna Marija aktar magħrufa u maħbuba. Hija parti mis-sejħa leġjunarja tagħkom li kull ġimgħa twettqu “xogħol leġjunarju”. Nappellakom biex f’din is-Sena Marjana tiffukaw l-appostolat tagħkom f’ħidma li tqarreb lil Ommna Marija lejn in-nies. Inħeġġiġkom biex f’ħidmiet bħalma huma l-kuntatti personali, iż-żjajjar lill-familji u lill-morda, l-Exploratio domenicalis, u l-bqija, intom titkellmu dwar il-ġmiel tal-maternità ta’ Marija u taqsmu mal-oħrajn l-esperjenzi personali tagħkom ta’ meta doqtu t-tjubija tal-imħabba u l-qawwa tal-interċessjoni u l-protezzjoni ta’ Marija.

Lilkom il-Leġjunarji mhux ser ngħidilkom titolbu bit-talba tar-Rużarju, għax naf li tgħiduh; lilkom inqawwilkom qalbkom biex tixxennqu għall-grad ogħla ta’ “pretorjani” u hekk tgħidu l-Uffiċċju tal-Madonna. Imma neżortakom biex bħala appostli tar-Rużarju tħajru u tikkonvinċu aktar persuni u familji ħalli jaqbdu f’idejhom il-kuruna u jimmeditaw din it-talba li hija “għal qalb Marija u b’riflessjonijiet dwar Ġesù”.

Nixtieq li f’din is-Sena Marjana fid-Djoċesi nagħmlu kampanja biex aktar Insara jagħmlu l-Att ta’ Affidament lill-Madonna (dak li fl-imgħoddi konna nsejħulu “Att ta’ Konsagrazzjoni”). Għax min jintelaq f’idejn din l-Omm ikun jixbah lid-dixxiplu l-maħbub li “ħa lil Marija d-dar tiegħu”. Inserraħ fuqkom, għeżież Leġjunarji, li tkunu minn ta’ quddiem ħalli tippropagaw dan l-Affidament lil Marija, li fil-kliem ta’ San Lwiġi Marija Grignon de Montfort huwa konsagrazzjoni lil Kristu minn idejn Marija.

Għax “fejn hemm Marija jkun hemm Ġesù; u fejn hemm Ġesù hemm il ħajja li tegħleb il mewt, il grazzja li teħles mid dnub, it tama li terfa’ min niket, il maħfra li tinfaxxa l miksur, il ferħ li jkeċċi d dwejjaq, is sliem li jtemm kull ġlied” (mill-Ittra Pastorali ta’ dan ir-Randan).