Niċċelebraw il-Misteru tal-Għid il-Kbir


“GĦAX ALLA HEKK ĦABB ID-DINJA LI TA LIL IBNU L-WAĦDIENI…” (Gw 3,16)

 Riflessjoni minn Fr. Philip Cutajar OFMCap

Dan hu li  sejrin niċċelebraw matul il-Ġimgħa Mqaddsa bejn il-Ħadd, 14 u l-Ħadd 21 ta’ April. “Għax Alla hekk ħabb id-dinja…”, kliem li juri wieħed mis-sisien tal-fidi tagħna bħala nsara u dixxipli ta’ Ġesù.

generozitaHawn hekk jidher il-kobor tal-ĠENEROŻITÀ TA’ ALLA frott l-Imħabba bla qies tiegħU għalina l-bnedmin. IL-ĠENEROŻITA li ssir is-sejħa li Alla fi Kristu Ġesù u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu qed jagħmlilna bil-għan li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum INKUNU ĠENERUŻI. Il-ġenerożita ta’ Alla ssir tagħna bil-għan li nsiru dejjem aktar nixbħuh. Aħna msejjħin biex ngħixu l-milja tal-imħabba li tidher fil-ġenerożita.

X’INHI L-ĠENEROŻITÀ?

Nistgħu ngħidu li hija wieħed mill-frott tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna li b’mod mill-aktar loġiku toħroġ mill-imħabba, mill-ħniena, mit-tjieba u l-ħlewwa (Gal 5,22-23). Għalhekk hija attitudni tal-qalb. Hija valur prezzjuż kemm f’għajnejn Alla kif ukoll f’għajnejn il-bnedmin.

Il-bniedem ġeneruż ipoġġi għad-disposizzjoni tal-oħrajn dak li għandu: kemm dawk li huma valuri spiritwali bħalma huma l-imħabba, is-solidarjetà, il-kompassjoji, l-empatija, it-tjubija u ħafna oħrajn; flimkien ma’ dawk naturali bħalma huma l-kapaċitajirt tiegħu, it-tagħlim, il-ħin, l-enerġija u diversi oħrajn. Meta l-bniedem jasal biex iwettaq dan il-valur fil-ħajja tiegħu jagħmel esperjenza tal-valur tal-veru ferħ flimkien ma’ paċi kbira għax kif jgħidilna Luqa, l-awtur tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, “min jagħti hu aħtar ferħan minn min jirċievi” (Atti 20,35). Min hu ġeneruż ikun qed igawdi wkoll mill-valur tant meħtieġ fil-ħajja tagħna, dak tal-libertà interjuri, għax meta l-bniedem hu miftuħ għall-oħrajn ma jibqax marbut miegħu nnifsu, imma  jinża’ minn kull egoiżmu. Ma jibqax mehdi biss bid-dinja tiegħu imma jsir kapaċi li anke saħansitra jinsa  lilu nnifsu biex jħobb, jaħseb u jgħin lill-oħrajn.

MA’ MIN U KIF GĦANDNA NKUNU ĠENERUŻI?

Il-Kelma ta’ Alla kontinwament tpoġġi quddiemna din l-isfida tal-ġenerożità: ġenerożita li jeħtieġ li nħarsu lejha minn tliet aspetti differenti imma fl-istess waqt huma marbutin flimkien u jiddependu minn xulxin. Qed nirreferi għall-ġenerożita tagħna:

  • Ma’ Alla
  • Magħna nfusna
  • U mal-oħrajn, mall-proxxmu kollu tagħna.

MA’  ALLA

Agħti lil Alla dak li hu ta’ Alla” insista Ġesù ma’ dawk li biex iġarrbuh ġew jistaqsuh jekk jaqbilx li għandhom iħallsu t-taxxi lil Ċesari. Inkunu ġenerużi ma’ Alla billi nagħtuh dak li hu tiegħu. Nagħtuh kollox għax kollox hu tiegħu u kollox minnu ġej. Nagħtuh dak li hu tiegħu billi nħobbuh fuq kollox u qabel kollox. Nagħtuh dak li hu tiegħu  billi nħobbuh b’moħħna kollu, b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u bil-ġisem kollu tagħna. Inkunu ġenerużi ma’ Alla billi f’kull waqt inwettqu dejjem ir-rieda tiegħU, infittxu li nogħġbuH billi nħarsu l-Kmandamenti tiegħu u naħarbu kull dnub. Nemmen li nkunu ġenerużi ma’ Alla meta nimxu dik it-triq li twassalna sabiex insiru dejjem nixbħu lilu, aħna li aħna maħluqin fuq ix-xebħ u l-immaġni tieghu. Inkunu ġenerużi ma’ Alla billi nsiru qaddisin hekk kif hu l-Qaddis fis-Smewwiet.

MAGĦNA NFUSNA

Hawnhekk hemm bżonn ukoll nkunu edukati sabiex, mingħajr egoiżmu u ‘l bogħod minn kull narċiżmu, nitgħallmu naħsbu fina nfusna u inħobbu lilna nfusna  billi nieħdu ħsieb dak kollu li jmis mall-persuna tagħna. Aħna fid-dmir li nieħdu ħsieb ta’ saħħitna, tas-’self esteem’ tagħna, tat-talenti tagħna. Ta’ dak kollu li jagħmilna bnedmin. Kemm hawn min mhux kapaċi jasal għal dan speċjalment dawk li huma maħkuma mill-vizzji tad-droga, ix-xorb alkoħoliku,l- għażż, sewqan u ikel eċċessiv. Il-bniedem li ma jafx iħobb lilu nnifsu jasal biex ikisser lilu nnifsu. Il-bniedem li mhux kapaċi jħobb lilu nnifsi kif qatt jista’ jasal sabiex iħobb tassew lill-oħrajn?

MA’ L-OĦRAJN

Jekk il-ġenerożità titlob li lil Alla nagħtuh imħabba sħiħa daqshekk ieħor titlob li lill-proxxmu tagħna nħobbuh bħalma nixtiequ li hu iħobb lilna. Anzi, dan mhuwiex il-mudell perfett, għax kif diġà għidna, aħna ħafna drabi lanqas nafu nħobbu lilna nfusna. Il-mudell perfett huwa li nħobbu lill-proxmu tagħna u nkunu ġenerużi miegħu bl-istess mod hekk Alla ħabb lilna ‘meta bagħat lill-Iben waħdieni tiegħu sabiex min jemmen fiha isalva’. U l-Iben ġie. Ġie u m’għamilx ħaġa ħlief għallem l-imħabba, għex l-imħabba u b’ġenerożotà kbira ta xhieda tal-imħabba tiegħu għalina billi ngħata għalina bil-mewt tiegħu fuq is-Salib. Dak li qegħdin niċċelebraw matul il-Ġimgħa Mqaddsa. Nistgħu ngħidu li matul din l-akbar Ġimgħa fl-istorja tal-umanità niltaqgħu mall-ġenerożità kbira ta’ Alla magħna.

NAĦARBU L-GĦEDEWWA TAL-ĠENEROŻITA

Huma numerużi l-għedewwa li jfixkluna milli nkunu ġenerużi. Fosthom ta’ min isemmi il-kunsumeriżmu sfrenat li qed inħalluh jaħkimna; meta infittxu biss il-kumdità persunali tagħna billi nilbsu x-xejra tal-indifferenza quddiem l-oħrajn għax kilt jien kiel kulħadd, komdu jien komdu kulħadd; meta ninħakmu mill-egoiżmu msieħbeb mill-egoċentriżmu li jsawwru fina dik l-attitudni negattiva ta’  “l-ewwel jien, imbagħad jien u jekk jibqa’ xiħaġa jien ukoll”.

NIĊĊELBRAW IL-ĠENEROŻITÀ 

Li niċċelebraw il-Misteru tal-Għid Il-Kbir ifisser li niċċelebraw mhux biss il-ġenerożita kbira ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù li bata, miet u qam mill-imwiet għall-imħabba tagħna; imma wkoll li din ik-ġenerożità ta’ Alla ssir il-ġenerożità tagħna.

Kif? Billi nkunu nistgħu mmutu għalina nfusna sabiex ngħinu lill-oħrajn. Inkunu dejjem bi tbissima fuq fommna. Inkunu lesti li nċedu anke l-gosti persunali tagħna biex naraw lil ħaddieħor ferħan. Inkunu lesti li nitilfu l-argument sabiex nirbħu lill-persuna. Inkunu persuni responsabbli billi nwettqu dejjem id-dmirijiet tagħna b’imħabba kbir. Ma nieqfu qatt inħaddmu l-kwalitajiet tajba tagħna, il-kapiċitajiet u t-talenti li nippossiedu għall-ġid tal-oħrajn. Inkunu dejjem lesti li nħobbu u ngħinu lil kulħadd bla ebda distinzjoni ta’ sess, orjentazzjoni sesswali, twemmin, kulur tal-ġilda, klassi soċjali, kulur politiku. Nuru kompassjoni ma’ kulħadd, billi ma nieqfux u ma negħjewx inħobbu anke jekk insofru u mweġġgħu.

Niftakru li “min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb” (Prov 19,17) “U kull min jagħti mqarr tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn iż-żgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10,42). U Ġesù jgħidilna: “Agħtu u jingħatalkom” (Lq 6,37). “Kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9,7)

Il-Mulej jagħtikom is-sli

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.