IĊ-ĊAĦDA TAL-VERITÀ


2. It-Tnejn tal-Ottava tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha u qalulhom: “Għidu hekk, ‘Ġew id-dixxipli tiegħu bil-lejl u serquh waqt li konna reqdin.’ U jekk il-gvernatur jisma’ b’dan aħna nġagħluh jemmen u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet.” (Mt 28, 12-14).

Ġesù qam verament. Iżda kien hemm min ma aċċettax dan il-fatt u ma ridux li jkun magħruf. Għalhekk ix-xjuħ tal-poplu taw kemxa ġmielha ta’ flus lis-suldati biex jgħidu li ġew id-dixxipli u serquh bil-moħbi. Tawhom il-garanzija li jekk dawn is-suldati jiġu fl-inkwiet mal-gvernatur, kienu ser jidħlu għalihom.

Il-bniedem ikun qiegħed jagħmel bħal dawn ix-xjuħ tal-poplu meta jipprova jgħawweġ il-verità. It-tmien kmandament barra li jipprojbixxi li wieħed jaħlef fil-falz jew bla bżonn, fil-fatt huwa wkoll stedina biex inħobbu l-verità. Il-bniedem ikun iħobb il-verità meta jagħraf il-limiti tal-karattru tiegħu, jimxi skont kuxjenza ffurmata tajjeb, u jkollu sens ta’ ġustizzja jiġifieri ma jiħux minn tal-oħrajn permezz ta’ serq jew ingann.

Min jimxi fit-triq tal-verità mhux talli ma jitlef xejn iżda jsib ħelsien interjuri. Meta l-bniedem jagħżel it-triq tal-gideb, ikun ilsir ta’ gidba li hi kontra s-sewwa. Veru li l-giddieb jaħseb li hu aktar liberu u li jista’ jagħmel li jrid, imma il-giddieb għomru qasir!

Jekk inħarsu lejn l-istorja tal-bniedem naraw li l-bniedem mhux dejjem mexa wara l-verità. Iżda x’sab? Ġab b’idejh gwerer, kampijiet ta’ konċentrament, nuqqas ta’ ġustizzja u faqar.

Huwa biss Kristu Rxuxtat li jgħinna nirbħu din it-tentazzjoni u nippruvaw dejjem nimxu skont il-verità. Huwa stess qalilna: “Jien huwa t-triq, il-verità, u l-ħajja” (Ġw 14,6). Min iħobb lil Kristu jħobb il-verità.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.