Kull min imiss miegħek irid ifiq u mhux iweġġa


Is-Sibt, 27 ta’ April 2019: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-pussess ta’ Dun Charlon Muscat, il-kappillan il-ġdid tal-parroċċa ta’ San Ġuzepp Ħaddiem.

WhatsApp_Image_2019-04-27_at_21.155739460186

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara

“Is-sliem għalikom. Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 19:21). Għażiż kappillan, dawn il-kelmiet illum Ġesù qed jgħidhom personalment u direttament lilek. Kif il-Missier bagħat lilu, hekk ukoll qiegħed jibgħat lilek. Imma dan xi jfisser?

Qieghed jibgħat lilek bħala sinjal tal-preżenza ta’ Alla fost il-poplu tiegħu …

Il-missjoni ta’ Ġesù kienet l-ewwel nett li jkun Għemmanu-El, Alla magħna. Kull min jiltaqa’ miegħek irid jifhem li inti midħla ta’ Ġesù, li inti bniedem ta’ Alla. Inti trid tkun sinjal li Alla qiegħed mal-poplu tiegħu. Jekk ikollok tiġbor xena li permezz tagħha Ġesù ried jispjega l-missjoni tiegħu kif il-Missier bagħat lilu, huwa l-ġest li aħna nwettqu kull Ħamis ix-Xirka fil-ħasil tar-riġlejn. Il-ħasil tar-riġlejn huwa l-ġest li jiġbor il-mentalità, l-istil u l-mezz tal-missjoni ta’ Ġesù fostna. Hekk il-Missier bagħat lill-Iben u hekk l-Iben qiegħed jibgħat lilna, qiegħed jibgħat lilek. Qiegħed jibgħat lilek bħala sinjal tal-preżenza ta’ Alla fost il-poplu tiegħu; hija preżenza ta’ servizz, ta’ min jinża’ l-mantar, ixidd il-fardal u jaħsel riġlejn id-dixxipli.

F’dak il-ġest hemm ukoll il-misteru tas-salib tal-Mulej. Dalgħodu lkoll fraħna bl-ordinazzjoni ta’ erba’ saċerdoti ġodda għad-djoċesi tagħna. Meta qed nagħtihom f’idejhom l-offerta tal-poplu ta’ Alla, għedtilhom biex ifasslu ħajjithom fuq dak li għandhom f’idejhom, ifasslu ħajjithom fuq il-misteru tas-salib ta’ Kristu. Għaliex meta l-Missier bagħat lil ibnu, bagħtu wkoll mhux biss iterraq mal-Lhudija u mal-Galilija imma wkoll iterraq it-triq tal-kalvarju. Il-Mulej jinsisti mad-dixxipli ta’ Għemmaws kif ukoll mal-ħdax: “U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” (Lq 24:26).

Tinsa qatt dak li hu stess qalilna: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16:24). Kif il-Missier bagħat lilu, hekk il-Mulej Ġesù qed jgħidlek ‘nibgħat lilek’. Qed jagħtik ukoll i1-qawwa li għal din il-komunità mhux biss tagħti ħajtek imma tagħtihom ukoll l-aqwa ġid li jista’ joffrilhom. Inti l-missier spiritwali ta’ dan il-poplu għażiż, inti taħfer id-dnubiet f’isem il-Mulej, ma’ sħabek is-saċerdoti l-oħra inti tmantni lil din il-komunità mill-mejda tal-Kelma u mill-mejda tal-Ewkaristija.

… tiddejjaqx tmidd idek biex tmiss il-pjagi tal-Mulej fil-poplu tiegħek.

Tumas, ta’ bniedem intelligenti li kien, kien jaf li lil Ġesù jagħrfu billi jmiss il-pjagi tiegħu. Inti ssellef ftit minn din l-intelliġenza tal-qalb. Jekk trid tiltaqa’ ma’ Ġesù fil-poplu tiegħek, kif hu jixtieq jiltaqa’ ma’ Ġesù fik, taħrabx mill-pjagi tiegħu, taħrabx mit-tbatijiet tiegħu. Fejn hemm it-tbatija, hemm il-Mulej. U lil Ġesù inti tagħrfu fil-pjagi tal-poplu tiegħek. Tiddejjaqx tmidd idek biex tfarraġ lill-poplu tiegħek, tiddejjaqx tmidd idek biex tmiss il-pjagi tal-Mulej fil-poplu tiegħek. Emmen li kif il-Mulej huwa miegħek, hekk ukoll huwa mal-poplu tiegħek. Wara kollox inti stess, bħalma se tagħmel illum minn hawn u ftit ieħor, se tfakkru kemm-il darba l-poplu tiegħek li l-Mulej miegħu, “il-Mulej magħkom”. Dawn huma kliem sempliċi imma kliem profondi. Jalla l-Mulej ikun mal-poplu tiegħek permezz tiegħek u ta’ sħabek is-saċerdoti.

Qed ninawgura l-ministeru pastorali tiegħek, il-ministeru formali tiegħek f’Ħadd il-Ħniena Divina u dan li għalik jibqa’ ta’ tifkira u jimmarka ħajtek kollha bħala ragħaj tal-poplu tiegħek. Kull min imiss miegħek, Fr Charlon, irid ifiq u mhux iweġġa’. Tgħidli biex tfejjaq kultant trid taqta’. Dan hu minnu, imma fejn hemm il-ħażin tibżax turih. Jekk il-kirurgu joqgħod jibża’ jispiċċa joqtlok jekk ma jneħħilekx il-ħażin. Ħadd ma fieq biż-żegħil! Tfieq bil-mediċina u bil-kirurġija meta jkun hemm bżonn. Imma meta tkun tabib tar-ruħ qis li min jiltaqa’ miegħek, anke jekk ikollu jikkonfronta ruħu mal-mard spiritwali tiegħu, ifieq.

Aħna li ma rajniex direttament lil Ġesù għandna x-xorti li narawh f’tant ċirkustanzi tal-ħajja.

Itlob ukoll li l-fidi tiegħek ma tonqosx. Il-beatitudni kbira tagħna li ma ltqajniex ma’ Ġesù personalment bħalma għamlu l-appostli, hija dik li jgħid il-Mulej Ġesù. “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Aħna li ma rajniex direttament lil Ġesù għandna x-xorti li narawh f’tant ċirkustanzi tal-ħajja. L-ikbar glorja tal-poplu ta’ Alla hu li jkollu ragħajja li meta jgħaddu minn fostna nkunu nistgħu ngħidu: ‘Għadda l-bniedem ta’ Alla, għadda xi ħadd minn ta’ madwar Ġesù’.

Għalhekk, inti li ġej mill-pastorali diretta tal-vokazzjonijiet, nitolbok tkompli f’din il-missjoni li l-Mulej indikalek. Żgur li l-entużjażmu li għandek fil-qalb tiegħek għall-vokazzjonijiet imexxik ukoll f’din il-parroċċa fil-ministeru futur tiegħek. Itlob li minn din il-komunità l-Mulej isejjaħ żgħażagħ għas-saċerdozju. Lill-Mulej nitolbuh biex ikollna saċerdoti qaddisin; nitolbuh għall-kappillani tagħna għaliex huma jagħtu ħajjithom għalina f’isem Ġesù. “Is-sliem għalikom. Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 19:21).

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.