IL-ĦADD HUWA JUM IL-MULEJ


15. It-Tielet Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-jum tal-Ħadd huwa ddedikat lil Alla. Fih niċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet matul is-sena kollha, kull nhar ta’ Ħadd.

Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “Il-Knisja tiċċelebra kull tmint ijiem il-Misteru tal-Għid, skont tradizzjoni minn żmien l-Appostli, tradizzjoni li bdiet mill-jum stess tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet: bir-raġun kollu dan il-jum jissejjaħ Jum Il-Mulej, il-Ħadd” (Sacrosanctum Concilium, 106).

U San Ġirolmu jgħidilna: “Jum il-Mulej, jum il-qawmien mill-imwiet, jum l-Insara, hu l-jum tagħna. Hu għalhekk li jissejjaħ Jum il-Mulej, għax hu proprju f’dan il-jum li l-Mulej reġa’ lura rebbieħ għand il-Missier. Jekk il-pagani jsejħulu Jum ix-Xemx, aħna wkoll ma nsibuhiex bi tqila li nsejħulu hekk, għax illum deher id-dawl tad-dinja, illum dehret ix-xemx tal-ġustizzja li r-raġġi tagħha jagħtu s-salvazzjoni” (In die dominica Paschae homilia: CCL 78, 550, 52).

Għalhekk il-quddiesa tal-Ħadd għandha importanza mill-akbar. U l-liturġija ta’ dan il-jum hija waħda ta’ festa. Jinqraw żewġ lezzjonijiet u ssir l-omelija. Forsi ftit jagħtu kas li l-Ħadd inkunu qegħdin niċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt, speċjalment bis-sehem sħiħ, attent u attiv fil-liturġija tal-Ewkaristija u filli ma nagħmlux xogħol bla bżonn.

Nistgħu nesprimu l-importanza ta’ dan il-jum b’din il-kwotazzjoni: “Imbierek jum il-Ħadd, għax fih kellhom bidu l-ħolqien … is-salvazzjoni tad-dinja … it-tiġdid tal-ġens kollu tal-bnedmin … Hu f’dan il-jum li thennew is-sema u l-art, u l-univers imtela bid-dawl. Imbierek jum il-Ħadd għax f’dan il-jum infetħu l-bibien tas-sema biex Adam u l-imkeċċijin kollha jidħlu minnu bla biża’ (Fanqith, Uffiċċju siro-antjoken, vol 6, l-ewwel taqsima tas-sajf, paġ. 139b.).

Il-Knisja trid ukoll li nqaddsu l-jum tal-Ħadd billi ma nagħmlux xogħol li ma jkunx neċċessarju, nistrieħu u nagħmlu xi opri ta’ karità. Huwa l-jum li fih il-familja għandha jkollha aktar ħin biex tiltaqa’ flimkien u tikkomunika aħjar. B’dan il-mod il-Ħadd għandu jkun jum li fih nitolbu iżjed u ta’ paċi interjuri u mhux ta’ dwejjaq li fih wieħed ma jsibx x’jagħmel.