ALLA HUWA ĦANIN


25. L-Erbgħa wara r-Raba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Għax jiena ma ġejtx biex nagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex insalva lid-dinja (Ġw 12, 47).

Ġesù qiegħed jgħidilna f’dan il-vers li huwa ma ġiex biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex isalva lill-bnedmin. U proprju din kienet il-missjoni ta’ Ġesù li jħabbeb lill-bniedem ma’ Alla permezz tal-inkarnazzjoni, ħajja, passjoni u mewt tiegħu. Min għandu l-idea li Alla qiegħed hemm biss biex jikkastiga u dak li jkun jgħix fil-biża’ li jintilef, għadu ma skopriex l-imħabba ta’ Alla.

Alla huwa mħabba u l-ħniena tiegħu hija bla tarf. Għal dan il-għan il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Ħniena Divina, Ħadd wara l-Għid il-Kbir. Alla jħobb anki lill-midinba, iżda dan ma jfissirx li kulħadd jista’ jagħmel dak li jogħġbu u jmur kontra r-rieda ta’ Alla.

Għalhekk Ġesù qiegħed jagħmlilna stedina ta’ mħabba biex ngħixu fil-verità. Għalkemm irridu nieħdu s-salvazzjoni tagħna bis-serjetà, dan ma jfissirx li l-biża’ tal-kastig etern għandu jaqtagħlna qalbna mill-Ħniena Divina, dment li nagħmlu ħilitna, anke jekk niżbaljaw. Niftakru li Alla jrid li kulħadd isalva. Huwa dejjem jistedinna biex nikkonvertu, iżda min ma jridx jilqa’ l-messaġġ tal-Vanġelu jkun qiegħed iġib it-telfien tiegħu b’idejh.

Inżommu quddiem għajnejna li Ġesù jrid jiġbidna lejh u mhux li jbegħidna minnu. Min iwebbes qalbu quddiem is-sejħat tal-grazzja, Alla jħallih ħieles. Fl-aħħar mill-aħħar it-telfien etern huwa dak l-istat fejn il-bniedem irid jgħix maqtugħ minn Alla għax hekk ried hu jew hi.

Ħadd qatt ma għandu jaqta’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla. Niftakru li Sidna Ġesù Kristu stess jurina l-ħniena kbira ta’ Alla billi jġibilna quddiem għajnejna l-parabbola tal-iben il-ħali u tar-ragħaj li jħalli lid-disgħa u disgħin nagħġa biex isib lil dik li kienet intilfitlu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.