ID-DINJA TOBGĦOD LIL KRISTU


35. Is-Sibt wara l-Ħames Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabilkom (Ġw 15, 18).

Qabel xejn, jeħtieġ li naraw xi tfisser id-dinja f’dan il-kuntest. Żgur li mhijiex il-ħolqien li huwa xogħol ta’ Alla. Lanqas huma l-ħwejjeġ materjali li ma għandhomx ruħ għax anki dawn ġew maħluqa minn Alla għas-servizz tal-bniedem, sakemm il-bniedem jagħraf jużahom sew.

Il-kelma ‘dinja’ bla dubju ta’ xejn tfisser il-ħażen li hawn fid-dinja. Għalhekk Kristu qiegħed jgħidilna, li jekk in-nies il-ħżiena jobogħdu lit-tajbin, dawn it-tajbin ikunu qegħdin jgħaddu mill-istess esperjenza li għadda Ġesù.

Il-ħżiena jobogħdu lill-ġust għax l-eżempju tajjeb tiegħu jkun ta’ ċanfira għalihom. Il-ħażin ma jistax jgħid li kulħadd jista’ jgħix kif irid għax il-kuxjenza ċċanfru, u jipprova jsib soluzzjoni oħra billi jippersegwita lit-tajjeb. L-Istorja tal-Knisja turina li sa mill-bidu nett tagħha, l-Appostli bdew iġarrbu l-persekuzzjoni. U l-Liturġija tal-qari ta’ żmien il-Għid iġġibilna quddiemna dan il-ħsieb. Din il-persekuzzjoni li bdiet sa minn żmien l-Appostli għadha sejra sal-lum f’diversi partijiet tad-dinja.

Il-qaddej mhux aqwa minn sidu, jiġifieri jekk Kristu għadda mill-persekuzzjoni aħna ngħaddu minnha wkoll. Kristu għadda minn persekuzzjoni vera. Sa minn meta kien għadu tarbija, Erodi fittex biex joqtlu. Matul ħajtu Kristu kellu diversi għedewwa li kienu jfittxu biex jaqbduh f’xi kelma. Din il-persekuzzjoni laħqet il-qofol tagħha sakemm il-kbar tal-poplu kkonvinċew lil Pilatu biex isallbu.

Id-dinja, jiġifieri l-ħażin, jobgħod lit-tajjeb, u jaf kif jippersegwitah bil-pulit. Jibda jsemmi man-nies id-difetti tat-tajjeb u n-nuqqas ta’ konsistenza tiegħu. Dawn jistgħu jidhru affarijiet ordinarji, iżda l-motivazzjoni ta’ min jagħmilhom tkun l-għira u l-mibegħda għat-tajjeb li jara f’ħaddieħor. Imma r-rebħa ta’ Kristu tkun ukoll ir-rebħa tagħna jekk ma nċedux quddiem il-ħażen tad-dinja.