Il-ħażin jista’ jintrebaħ


Is-Sibt, 1 ta’ Ġunju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Pellegrinaġġ Nazzjonali mill-Korp tal-Pulizija, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

IL-ĦAŻEN JISTA’ JINTREBAĦ

Insellem lilkom, membri tal-Korp tal-Pulizija, kif ukoll lill-eks membri, li għalkemm ma għadkomx fil-Korp, imma għadkom tħaddnu l-istess ideali.

Min għandu nuċċali iswed jara d-dlam anki f’nofsinhar; min hu pessimist jaħseb li fid-dinja m’hemmx tarf għall-ħażen. Imma Alla mhux indifferenti għall-karba tal-bniedem muġugħ u bagħat lil Ġesù biex ifejjaqna mid-dnub li huwa l-għerq ta’ ħafna mit-tbatija. Fil-fatt, qabel ma tela’ s-Sema, Ġesù ried jiżgura lid-dixxipli tiegħu li bl-għajnuna ta’ Alla l-ħażen jista’ jintrebaħ. Prova ta’ dan huwa l-fatt li l-Messija nnifsu bata imma fit-tielet jum qam mill-imwiet. Billi ħafna drabi huwa l-bniedem innifsu li bl-għemil żbaljat tiegħu jikkawża t-tbatija fl-oħrajn, Ġesù jagħmel il-qalb lid-dixxipli biex jipprietkaw il-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet – għax Ġesù jemmen li ma hemm ebda ħażen li huwa għal dejjem, ma hemm ebda lejl mudlam li ma jgħaddix, ma hemm ebda bniedem imħassar li ser jibqa’ mħassar, ma hemm ebda mibegħda li ma tistax tintrebaħ mill-imħabba. Fi tmiem il-preżenza tiegħu fid-dinja, Ġesù ried jaċċerta lid-dixxipli li, gravi kemm hu gravi l-ħażen tagħna l-bnedmin, dejjem hemm il-possibbiltà li l-bniedem jibda jikteb ħajtu mill-ġdid!

Qabel iħallihom, Ġesù jeżorta lid-dixxipli biex jibqgħu fil-belt, fis-sens li ma jirtirawx f’xi raħal moħbi fil-periferija fejn il-ħajja hija aktar trankwilla, imma joqogħdu f’ambjent metropolitan, fiċ-ċentru, fejn barra li hemm it-tbatija, ħafna drabi jkun hemm ukoll strutturi li joħolqu t-tbatija. Għax f’ċerti ċirkustanzi, biex isalva ġildu l-bniedem ġieli jkun ittentat idawwar wiċċu jew jagħlaq għajnejh quddiem il-ħażen. Ħafna drabi l-egoiżmu tagħna kapaċi jwassalna biex għal xi raġuni jew oħra naċċettaw li “nikkoabitaw” mal-ħażen, anki jekk din l-għażla tkun tmur kontra dak li tkun qed tiddettalna l-kuxjenza tagħna.

Qabel jitla’ s-Sema, Ġesù jwegħedhom li l-Missier kien ser jagħtihom l-għodda biex jistgħu jikkumbattu l-ħażen. Fil-fatt, jgħidilhom li l-Missier ser ilibbishom bil-qawwa tiegħu. Din l-assigurazzjoni tagħmlilna l-qalb. Il-ħażen mhux ser jintrebaħ bil-ħila intellettwali u organizzattiva tagħna l-bnedmin, imma bl-għajnuna ta’ Alla. Jgħarralna bil-kbir jekk naħsbu li waħidna ser jirnexxielna nimmansaw dan id-dinosawru tal-ħażen, partikularment tal-ħażen strutturat; imma flimkien ma’ Ġesù u bil-metodi ta’ Ġesù naslu biex naraw lill-ħażin jinbidel u l-ħażen jonqos.

Ġesù ma jirbaħx lill-ħażin billi juża l-vjolenza li kapaċi teqred lill-bniedem; imma dak li jżarma lill-bniedem ħażin hija l-imħabba u l-ħniena li jikkomunika Ġesù. Il-ħarsa ta’ Ġesù tinfed l-intern tal-bniedem, mhux għax Ġesù għandu ħarsa qalila li tbeżża’, imma għax jara fil-fond: ħarstu ma tiqafx fuq dak li jidher, imma jipprova jaqra l-istorja moħbija tal-bniedem imqareb, delinkwenti u antisoċjali, għax ħafna drabi l-għemil żbaljat tal-bniedem għandu storja u għeruq mifruxa fil-fond tal-persuna tiegħu. Ħafna drabi wara azzjoni ħażina jkun hemm xi weġgħa moħbija. Ġesù jara b’qalbu aktar milli b’għajnejh.

Ġesù kien qed jafda din il-ħidma tqila lil ġemgħa żgħira ta’ rġiel dgħajfa, imbeżżgħa, u konfużi. Minkejja li kellhom id-difetti tagħhom, minkejja li kien hemm min ittradieh u saħansitra kien hemm min kien kellu d-dubji tiegħu dwar dak li kien qed jgħidilhom, Ġesù xorta ma jitlifx il-fiduċja fihom. U biex ma jħallihomx waħdihom, talab lil Ommu Marija biex tieħu ħsiebhom. Min aktar minn Marija, li qatt ma kienet imċappsa milll-ħażen, seta’ jgħin lid-dixxipli fil-ġlieda kontra kull għamla ta’ ħażen?

Għeżież membri tal-Korp tal-Pulizija (insejħilkom ‘għeżież’ minn qalbi u mhux pro-forma, għax jien iben wieħed minnkom!), meta llum ġejtu f’dan is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, peress li ħafna drabi l-ħidma tagħkom iġġibkom wiċċ imb wiċċ mal-ħażen fid-diversi għamliet tiegħu u tmissu b’idejkom t-tbatija li jikkawżaw l-għażliet ħżiena tagħna l-bnedmin, nixtieq ngħidilkom kelma ta’ kuraġġ. Intom riżorsa indispensabbli għan-Nazzjon, għaliex il-preżenza u l-ħidma tagħkom hija meħtieġa biex ikun hawn inqas nies li jbatu kemm fiżikament u kemm moralment. Nixtieq li s-soċjetà tkun aktar konxja tar-riskji u l-perikli kbar li jkollkom tħabbtu wiċċkom magħhom, intom personalment u xi drabi anki l-familjari tagħkom ukoll, fid-dedikazzjoni tagħkom biex il-ħażin jittrażżan. Nifhem li ħafna drabi, speċjalment meta jkollkom x’taqsmu mal-kriminalità organizzata li llum għandha dimensjoni internazzjonali, tafu taħbtu taqtgħu jieskom. Intennilkom dak li Ġesù qal lid-dixxipli qabel tela’ s-Sema: bl-għajnuna ta’ Alla, il-ħażen, li huwa kawża ta’ ħafna tbatija, jista’ jintrebaħ. Tħallu lil ħadd jisirqilkom it-tama minn qalbkom: bħal Ġesù u ma’ Ġesù emmnu li ma hemm ebda ħażen li huwa għal dejjem, ma hemm ebda lejl mudlam li ma jgħaddix, ma hemm ebda bniedem imħassar li ser jibqa’ mħassar, ma hemm ebda mibegħda li ma tistax tinrebaħ mill-imħabba.

Nemmen li Ġesù qed jafdalkom missjoni importanti ħafna, mhux biss biex tittaffa t-tbatija tal-vittmi ta’ mġiba kriminali, imma wkoll biex twieżnu lil min hu fl-iżball jagħraf aħjar lilu nnifsu u jirriforma ħajtu. Jien konvint li fis-soċjetà tagħna hemm individwi u familji li jħossuhom grati lejkom, għax bl-intervent f’waqtu tagħkom intom kontu strumentali biex bniedem imħassar jaqbad it-triq tar-riabilitazzjoni. Ħasra li dawn l-esperjenzi ma nisimgħux dwarhom fil-mezzi tal-komunikazzjoni. Nixtieqkom tkunu konvinti li fil-ħidma xi drabi mwiegħra tagħkom, intom m’intomx waħidkom, għax għalikom ukoll jgħodd il-kliem ta’ Ġesù meta qal li l-Missier ilibbiskom bil-qawwa tiegħu. Nifhem li jista’ jkun hawn min fostkom ikun xettiku dwar dan li qed ngħid – kif għidt aktar ’il fuq, anki fost id-dixxipli ta’ Ġesù kien hemm min kellu fidi żgħira! Ġesù jakkumpanja u jaħdem ukoll ma’ min hu nieqes mill-fidi imma għandu rieda tajba.

Kif għamel Ġesù, hekk nagħmel jien illum: inpoġġikom taħt il-ħarsa materna tal-Madonna Ta’ Pinu. Fil-ktieb tal-Apokalissi naqraw li meta Marija kienet ser tiled lil Ġesù, id-dragun (simbolu tal-ħażen) mar quddiemha biex kif tiled lil Binha jibilgħu, imma ma għamlilha xejn (ara Apok 12:1-6) u hekk Binha seta’ jirbaħ il-ħażen. Ħa tkun Marija li tħariskom mill-ħażin biex tkunu tistgħu tkomplu bil-qadi nobbli tagħkom.