Il-Papa f’Santa Marta: Inservu lill-oħrajn bl-istess gratwità li biha jħobbna Alla


It-Tlieta, 11 ta’ Ġunju 2019: Nagħtu b’xejn dak li rċevejna b’xejn mingħand Alla. L-omelija tal-Papa Franġisku llum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, kienet kollha dwar il-gratwità ta’ Alla, gratwità li aħna għandu jkollna lejn l-oħrajn kemm bix-xhieda li nagħtu u wkoll bis-servizz. Għalhekk għandna stedina biex niftħu qlubna beraħ biex nilqgħu l-grazzja. Infatti l-grazzja ma nistgħux nixtruha u għandna nservu lill-poplu t’Alla mhux ninqdew bih.

Il-Papa beda r-riflessjoni tiegħu mis-silta tal-Evanġelju tal-lum (Mt 10, 7-13) dwar il-missjoni tal-Appostli, il-missjoni ta’ kull mibgħut, jiġifieri ta’ kull Nisrani. In-Nisrani ma jistax jibqa’ ċass: il-ħajja nisranija tfisser li tterraq, dejjem, fakkar il-Papa. U tul it-triq tipprietka u xxandar li s-Saltna t’Alla waslet. Tfejjaq lill-morda, tqajjem lill-mejtin, issaffi lil-lebbrużi, tkeċċi x-xjaten. Din hi l-missjoni: hija ħajja ta’ servizz.

In-Nisrani jgħix biex jaqdi. Hu ta’ niket tara Nsara li wara li jkunu qdew lill-poplu t’Alla jispiċċaw biex jibdew jinqdew bih. Dan jagħmel ħafna ħsara lill-poplu t’Alla għax il-vokazzjoni hi li sservi mhux li tinqeda int.

Il-ħajja nisranija hi ħajja ta’ gratwità. Fl-Evanġelju tal-ġurnata, innota l-Papa, Ġesù jgħid dwar is-salvazzjoni: ‘B’xejn ħadtu, u b’xejn tagħtu.’ Ma nistgħux nixtru s-salvazzjoni, din mogħtija lilna b’xejn.  Infatti Alla jsalvana gratis, ma jitlobniex ħlas.

Dak li Alla għamel magħna aħna għandna dmir nagħmluh ma’ ħaddieħor. Dil-gratwità ta’ Alla hi l-isbaħ ħaġa, qal Franġisku.

Aħna nafu li Alla għandu ħafna doni xi jtina. Ħaġa waħda biss jitlobna: li niftħu qlubna. Meta aħna ngħidulu ‘Missierna’ nkunu qed niftħu qlubna biex nirċievu dil-gratwità. Il-gratwità hi proprju r-relazzjoni tagħna m’Alla. Ħafna drabi, meta jkollna bżonn xi grazzja jew ikollna xi ħtieġa spiritwali, ngħidu: ‘Issa nsum, nagħmel penitenza, novena…’  Noqogħdu attenti. Dan ma nagħmluhx biex inħallsu tal-grazzja, biex nixtruha, għax il-grazzja mogħtija lilna bil-gratwità.

Kull ma jtina Alla jagħtihulna b’xejn, osserva l-Papa, u l-problema tqum meta qlubna jiċkienu, jingħalqu u jitilfu l-ħila li jirċievu tant imħabba gratwita. Ma’ Alla ma nistgħux ninnegozjaw.

Imbagħad għandna l-istedina biex nagħtu bil-gratwità, sejħa speċjalment għalina r-rgħajja tal-Knisja. M’għandniex inbiegħu l-grazzja. Jagħmel ħafna ħsara meta r-rgħajja jagħmlu ‘n-negozju bil-grazzja t’Alla’.

Fil-ħajja spiritwali dejjem ninsabu fil-periklu li naqgħu fit-tentazzjoni li ‘nħallsu’ u meta nkunu qed nitkellmu mal-Mulej inkunu qisna rridu ntuh xi ħaġa ‘minn taħt’ (biex ninqdew). Mhux hekk. Ma nistgħux ngħidu lill-Mulej, ‘Int ittini din u jien intik dan.’ Il-wegħda li nagħmel isservini biex niftaħ qalbi ħalli tilqa’ dak li jingħatali bil-gratwità.

Din ir-relazzjoni tgħinni mbagħad biex jien nagħti b’xejn l-istess bħalma nirċievi kemm bix-xhieda nisranija tiegħi u wkoll bis-servizz li nagħti. Dan jgħodd ukoll fil-ħajja pastorali ta’ dawk li huma rgħajja tal-poplu t’Alla.

Agħtu b’xejn dak li intom irċevejtu b’xejn. Il-ħajja tal-qdusija għandha tkun li niftħu qlubna biex nilqgħu l-gratwità ta’ Alla, il-grazzja t’Alla li tingħatalna b’xejn, gratwità li Hu jrid itina biex aħna ngħadduha lil ħaddieħor.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.