Intemm il-Forum Internazzjonali taż-Żgħażagħ


Tirraporta minn Ruma Jennifer Cauchi

Hekk kif il-Ħdax-il Forum Internazzjonali taż-Żgħażagħ organizzat mid-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja wasal fi tmiemu, l-aħħar ġurnata qabel it-tluq ta’ ’l fuq minn 250 żagħżugħ u żagħżugħa lura għall-pajjiż tagħhom madwar id-dinja kollha, bdiet biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan. Il-quddiesa ġiet immexxija mill-Kardinal Kevin Farrell, Prefett tad-Dikasteru. Huwa qal lill-parteċipanti li l-ħajja ddur mal-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu. Aħna msejħa nxandru fid-dinja l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu, imma kif nistgħu nagħmlu dan jekk ma nkunux iltqajna miegħu?

Il-Papa Franġisku jgħidilna fi Christus vivit li Alla huwa Mħabba, li ħadd ma huwa insinifikanti fid-dinja, kulma huwa maħluq minn Alla għandu skop. Il-Papa jgħidilna wkoll li Alla huwa s-Salvatur tagħna u din għandna niftakruha dejjem u nxandruha lid-dinja: li Ġesù Kristu jibqa’ jsalvana ġurnata b’ġurnata. Jgħid ukoll li Ġesù huwa ħaj. M’għandux elfejn sena, imma huwa żagħżugħ etern, jgħix għal dejjem. L-imħabba tiegħu hija aqwa mid-dnubiet tagħna u tqawwina. Hu għandu jkun għalina eżempju fuq xiex nimxu.

Wara l-quddiesa, il-parteċipanti nġabru fis-Sala Klementina, fil-Palazz Appostoliku maġenb il-Bażilika ta’ San Pietru. L-eċċitament ta’ stennija għall-wasla tal-Papa seta’ jinħass sew. Iż-żgħażagħ taw merħba kbira lill-Papa Franġisku hekk kif daħal fis-Sala jsellem bi tbissima lill-delegati żgħażagħ tad-dinja kollha.

Delegat żagħżugħ indirizza lill-Papa u qal li matul dawn il-jiem ġiet esperjenzata l-Knisja universali u r-rikkezza tad-diversità tal-pajjiżi u kulturi li rrappreżentaw iż-żgħażagħ. Il-missjoni tagħhom għandha l-għeruq tagħha fl-identità tagħhom u l-verità hi li aħna maħbuba b’mod infinit, u minn din l-imħabba noħorġu u niddedikaw ħajjitna għal ħaddieħor. Bħala Knisja żagħżugħa, iż-żgħażagħ qed jikkommettu ruħhom li jisimgħu, jiddixxernu, jikbru u jħallu dan jittrasforma kull parti ta’ ħajjithom. Jikkommettu ruħhom li jkunu protagonisti bħala Knisja waħda fi vjaġġ. Il-vjaġġ sinodali ispira u inkoraġġixxa li jinstabu modi konkreti biex inġeddu l-Knisja u s-soċjetà, minkejja l-isfidi li jiġu ffaċċjati.

20190622_113044.jpgIl-Papa qal lill-parteċipanti – li sejħilhom protagonisti – li ma kienx b’kumbinazzjoni li ċċelebraw is-Solennità ta’ Corpus Christi fil-jiem li kienu miġbura flimkien. Jista’ jkun li l-Mulej ried jiftħilhom qalbhom għal darb’oħra u jkellimhom permezz ta’ dan il-passaġġ tal-Vanġelu? Bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, imsejħa nwasslu d-dawl ta’ Kristu fid-dlamijiet tad-dinja, inkunu d-dawl fl-iljieli mudlama li qed jiġu esperjenzati minn ħbiebna stess li għadhom ma jafux il-ferħ ta’ ħajja ġdida f’Ġesù. “Kebbsu n-nar li qed jaqbad fil-qalb tagħkom u ħalluh jinfirex!”. Huwa fakkar li lkoll membri ta’ ġisem wieħed, ta’ din il-komunità, ħadd mhu se jsalva waħdu iżda kulħadd għandu bżonn xulxin biex nagħmlu differenza f’dinja li dejjem iktar qed tinqasam.

Il-Papa Franġisku ħabbar li t-temi magħżula għall-itinerarju ta’ tliet snin tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jwasslu għall-attività internazzjonali f’Lisbona fl-2020 huma:

  • il-35 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, 2020: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” (Lq 7:14);
  • is-36 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, 2021: “Qum. Nagħżlek xhud ta’ dak li rajt” (ara Atti 26:16);
  • is-37 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, 2022 (Lisbona): Marija “qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39).

Dawn it-tliet temi huma magħquda mill-istedina liż-żgħażagħ biex bħal Marija “jqumu” u jħaffu biex iwieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù biex ixandru l-Aħbar it-tajba.

Il-Papa temm billi talab liż-żgħażagħ jitolbu għalih u flimkien, kulħadd bil-lingwa tiegħu, għidna l-Ave Marija.