Lectio Divina tat-13-il Ħadd matul is-Sena “Ċ”



Vanġelu (Lq 9, 51-62): Fis-silta tal-lum insibu li Ġesu ilu xi tliet snin fil-ħajja pubblika tiegħu. Fost il-ħafna nies li aċċettawh, ma kontx issib Skribi  jew Fariżej. Dawn kienu jqisuh midgħi għax kien jaħfer id-dnubiet bla ma jara jekk dak li jkun hux niedem jew le. Kien jiċħad ukoll lil  Alla tagħhom li jikkastiga l-ħżiena.

Ma kinux jifilħu jisimgħuh isejjaħ lilu nnifsu Iben Alla, l-aktar meta kien imur jiekol mal-midinbin, ma josservax is-Sibt u ma jsumx. Anki dawk in-nies li fehmu sew x’tinvolvi biex timxi wara Ġesu, bdew jitilquh, għax ma ridux jagħmlu bidla radikali f’ħajjithom. Id-dixxipli bdew jinkwetaw għax Ġesu qal darbtejn li sejjer Ġerusalem mhux biex jirrenja imma biex jagħti ħajtu. Din mhux telfa?

  1. “B’rieda sħiħa..telaq lejn Ġerusalem.” Qorbu għal Ġesu l-ġranet fejn kellu jiġi mgħolli ‘l fuq f’dirgħajn il-Missier. Dawn se jkunu jiem ta’ passjoni ta’ mħabba u qawmien mill-mewt, fejn se juri mħabbtu bla kundizzjonijiet. “B’rieda sħiħa,” b’wiċċu minn quddiem, jagħti l-ewwel pass biex iġib fit-tmiem id-dinja antika bir-raġunar żbaljat tagħha, li Ġesu sejjaħ il-ħmira tal-Fariżej, li twassal għall-jasar tal-bniedem. Din se tinbidel f’dinja ġdida ta’ ħelsien mill-jasar.  Min ried iqim ‘l Alla issa ma kellux bil-fors imur Ġerusalem, imma “seta’ jqimu fl-ispirtu” (Ġesu lis-Samaritana). Anki llum in-Nisrani jiltaqa’ ma’ dil-ħmira, li tħajru jrekken il-ġid, ifittex il-poter u li jkun servut, jagħmel il-flus alla tiegħu, eċċ.  Ġesu beża’ jmur Ġerusalem għax kien jaf x’hemm lest għalih. Luqa juża’ l-frażi “b’rieda sħiħa” biex ifakkarna f’Iżaija meta qal: “Jiena ma rġajtx lura. Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni, ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti, ma ħbejtx wiċċi mit-tgħajjir u l-bżieq. Sidi l-Mulej jgħinni….għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied (50, 5-9), i,e, imtlejt b’kuraġġ kbir.” Kull Nisrani jiħtieġ li jagħmel hekk quddiem it-tfixkil li jiltaqa’ miegħu waqt il-missjoni tiegħu, basta jkompli jimxi dit-triq li qabad Ġesu. Dan ifisser meta tgħid: “Jiena nemmen.” In fatti, l-ewwel Insara spiss kienu magħrufa bħala “dawk li qabdu dit-triq.” Illum nitgħallmu li ma nistgħux inkunu Nsara ta’ nofs kedda imma b’kuraġġ kbir u tama sħiħa f’Alla inħallsu kwalunkwe prezz biex nimxu dit-triq.
  2. “U bagħat messaġġiera qablu.” Fil-Lvant kienet ħaġa sagra li tilqa’ barrani għal-lejl u titimgħu, ħaġa li ma kienet miċħuda lil ħadd. Din għandha tifsira kateketika: Ġesu jixtieq jiġi milqugħ fil-qalb ta’ kull bniedem, fil-familji, fis-soċjeta’. Għal dan aħna rrridu nkunu ppreparati, inkella nirriskjaw li meta jiġi, nitilfu ċ-ċans li nilqugħ. Naraw ħafna fis-soċjeta’ li jiitlfu l-ferħ u l-paċi li Ġesu jkun irid iġibilhom, kif għamlu s-Samaritani tas-silta tal-lum. Forsi għax il-messaġġiera (angeloi) ma qalulhomx li Ġesu mhux sejjer Ġerusalem biex iqim, imma biex jagħti ħajtu. Kieku kienu jafu dan, aktarx kienu jilqgħuh lil Ġesu. Mela l-angeloi tal-lum għandhom resposabbilta’ kbira biex iħejju sewwa il-miġja ta’ Kristu fost il-fidili fdati f’idejhom.
  3. “Tridx ngħidu n-nar jinżel mis-sema?” Din rejazzjoni ta’ Lhud li, minn ċkunithom, tgħallmu li Alla jobgħod u jikkastiga l-ħżiena u l-għedewwa tiegħu bin-nar, sajjetti u dulluvju. Ir-Rabbini kienu jgħallmu hekk għax kienu jinterpretaw ħażin l-Antik Testment, fejn in-nar huwa proprjament użat bħala simbolu li jirfina d-deheb u jippurifikah mill-ħmieġ li jista’ jkollu.  M’għandniex nitkażaw b’dawn id-dixxipli għax anki lllum insibu Nsara li jitolbu ħaqq fuq il-midneb għax “Alla ġust,” u jiġġudikaw bl-addoċċ min sejjer l-infern.  Min jaħsibha hekk, għadu ma jistax ikollu x’jaqsam ma’ Ġesu ta’ Nazaret li llum narawh iċanfar lil dawn id-dixxipli. Il-verb użat huwa epitimao li Ġesu kien juża biex iċanfar lix-xjaten. Mela, min jaħsibha hekk għandu xitan fih u għandu bżonn eżorċiżmu, i.e. jiħtieġlu jifhem sew l-Iskrittura u jaċċetta li l-unika nar li jinżel mis-sema hu n-nar tal-imħabba u tal-Ispirtu s-Santu li niżel f’Pentekoste.  Darba Ġesu qal: ”Għandi nar, u kemm nixrieq li diġa tħeġġeġ.” Ġesu kien isejjaħ lil Ġwanni u Ġakbu boanerges (ulied ir-ragħad) għax kienu fanatiċi. Aktar tard, Ġwanni se jerġa’ jiġi ma’ Pietru u jitlob li n-nar jinżel fuq is-Samaritani, imma did-darba se jkun l-Ispirtu s-Santu.
  4. Ġesu u d-dixxipli jkomplu t-triq li ma kinitx faċli għax se titlob bidla radikali fir-relazzjoni tal-bniedem m’Alla, mal-bnedmin l-oħra u mal-ħolqien kollu. Jiħtieġ jitwieled il-bniedem ġdid: dan jiħtieġ iż-żmien u l-paċenzja. Dan se jsib ħafna li jopponuh.  Id-dixxiplu ma jistax iqis lil dawn it-talin bħala għedewwa imma bħala aħwa li għandhom bżonn aktar żmien u paċenzja. Dan ma jfissirx li nagħmlu xi kompromessi u ngħawġu l-Vanġelu biex naġevolawhom.  Ġesu jtina eżempju ta’ dan bil-mod kif wieġeb lit-tlitt irġiel: (i) “Int tiġi warajja, immur fejn immur? Tajjeb li tkun avżat li miegħi m’hemmx lok għall-għażż, kapriċċi jew kenn fiss biex tistaħba minn min ikollu bżonnok.” Il-bejta hija simbolu ta’ fejn wieħed ikun komdu, għar-rdoss u fejn ħadd ma jdejqek jew iqalliblek ir-rutina reliġjuża li tkun fassalt. Bejta bħal din ma tgħoddx għad-dixxiplu li se jkun mitlub jagħmel atti kbar ta’ ġenerożita’. (ii) Kien dmir sagrosant għal Lhudi li jidfen lill-missieru, tant li dan kien jeżentah minn kull obbligu ieħor. Imma Ġesu, lil dar-raġel li xtaqu jkun dixxiplu, qallu: “It-tweġiba għas-sejħa tiegħi trid tkun waħda deċiża, bla tlaqlieq u bla ma toqgħod taħsibha darbtejn. Il-missier hu simbolu tad-drawwiet tad-dinja l-qadima, id-dinja tal-mejtin. Trid taqta’ dir-rabta ħesrem u b’mod  radikali biex tgħinni nibda d-dinja l-ġdida tal-ħajjin.” (iii) Anki t-tielet wieħed fehem il-missjoni ta’ Ġesu u aċċettaha, imma kellu nostalġija għad-drawwiet reliġjużi antiki. Avolja b’idu fuq il-moħriet, moħħu fuq x’ħalla warajh. Kif nagħmlu aħna kull tant: “ u mmur inqerr, forsi xahar ieħor, u ngħin f’dik l-għaqda forsi la nirtira, u kemm kienet aħjar il-Quddiesa bil-Latin…” Dixxiplu bħal dan “mhux tajjeb għas-Saltna t’Alla.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini