Mhux l-ewwel darba li smajtha. U kien hemm drabi fejn għedtha jien stess. U, illum, aqta’ kemm jiddispjaċini li għedtha! Għax ma rridx le nisħet lili nnifsi!
Darba minnhom iltqajt ma’ koppja. Hi kienet fil-wheel chair. Filwaqt li hu kien ħdejha. Jieħu ħsiebha. Kont għadni kemm ħadt il-kafè li tant inħobb jien: il-cappuccino! Għax bħali ħi, Kapuċċin! Mela mort ħdejhom. Bonġu Patri! bdieli hu b’leħen li laqagħni ħafna. Ħadt gost li laqagħni. Għax jien, wara dik iċ-ċoqqa, qalb għandi. U aqta’ kemm nifraħ meta tilqugħni! Għax tagħtuni kuraġġ. U tkunu għalija ta’ sollief kbir fil-battalji li jkolli nseffaq wiċċi magħhom ta’ kuljum f’ħajti.
Ħa noqgħod hawn. Għax għandi x-xemx f’għajnejja, għedtlu jien. Iva Patri! Jekk għalik aħjar irranġna! U, ħbieb, qgħadt bilqiegħda. Patri! bdieli hu hekk kif ħadt l-ewwel boqqa tal-kafè. Ħa ngħidlek ħaġa. U waqt li dar lejn martu, qalli: Din il-ħin kollu titlob biex Alla joħodha. U, meta nismagħha titlob hekk aqta’ kemm tirrabjani! Għal dan il-kliem il-mara ma ċaħditx dak li kien qed jgħid żewġha. Għall-kuntrarju. Qablet miegħu perfettament. Tant hu hekk li qaltli: Iva Patri! Għax dik li m’għandix is-saħħa ta’ qabel ittini ġewwa wisq!
Kliemha fetaħli bieb f’moħħi. Dak il-bieb li warajh hemm maħżun l-għerf li qaltli darba persuna tal-Mulej. Le! Lill-Mulej qatt m’għandi nitlobhielu talba bħal din għax ninsultah. Lill-Mulej irrid inħallieh ikun il-Mulej f’ħajti. Mela għandi nitolbu biex saħħti iberikhieli u qatt biex joħodni! Il-qawwa ta’ din id-diskors għaqli u ta’ fejqan imbuttani biex ngħidilha, ċar u tond, quddiem żewġha, bil-ħlewwa kollha: Le oħti! Qed titlob ħażin! Lill-Mulej titolbux hekk! Żewġek għandu raġun ikun irrabjat. Lill-Mulej itolbu biex iberiklek saħħtek u hekk jagħtik saħħtU ħa tieħu ħsieb il-familja sabiħa li tak! Imbagħad semmejtilha l-esperjenza tiegħi biex inħalli lill-Mulej jagħmlilha aktar kuraġġ. Taħseb int oħt li jien mhux ukoll ġieli tlabtu hekk lill-Mulej? Li joħodni? Imma wara urieni kemm kont egoist! Għax ħsibt fija biss! U jekk il-Mulej joħodni min jaħdem u min jieħu ħsieb il-morda fl-Isptar Mater Dei? Allura jkun sewwa jekk jien nitolbu hekk lill-Mulej? Meta Hu tani biċ-ċar din il-missjoni, bħala Patri Kapuċċin, li nkun mal-morda? Le! Tlabt ħażin meta tlabtu hekk. Allura bdilt it-talba tiegħi. U, minflok, bdejt nitolbu biex jagħtini s-saħħa ħa nissokta naħdem mal-morda. Kif iridni Hu! Hu, li qiegħed preżenti fil-morda!
Għal dan il-kliem il-mara bdiet taħseb. U, ftit wara, ħarsa ta’ paċi u tama dehret fuq wiċċha. Kont naf li diskors bħal dan mhux ġej minni imma minnU! Għalhekk kien importanti li dan id-diskors intqalilha. Kif żgur li ried li jintqalilha Hu! Ma jistax ikun ħbieb li nibqgħu naħarbu mir-responsabbiltà tagħna u ngħidu li aħjar Alla joħodni! Le! Irridu naffaċċjaw il-ħajja! Mhux waħedna. Imma miegħU! BiH! U fiH!
Il-konferma għal dan li qiegħed ngħid il-Mulej tahieli meta kelli l-grazzja nżur il-post fejn hi midfuna Santa Fawstina, il-Polonja. Għadni niftakar qisu issa. Mort inkellem waħda mis-sorijiet ta’ Santa Fawstina. Dħalna. U laqegħtna ħafna. Imbagħad, wara diskursata mill-isbaħ, fejn id-dmugħ u l-bikja ma naqsux li joħrġu minn għajnejja u, fuq kollox, li joħorġu minn qalbi muġugħa, ta’ bniedem li l-ħin kollu jaffaċċja l-morr tal-ħajja ta’ barra u ta’ ġewwa, is-soru ippreżentatli mazz kwotazzjonijiet mid-Djarju ta’ Santa Fawstina. Wara li tlabt talba qasira, kif għallimna nagħmlu Papa Franġisku lilna l-Kapuċċini f’Settembru tal-2017, għażilt biljett ċkejken u ġie dan il-kliem li ġej:
Dejjem issielet b’konvinzjoni soda li Jiena qiegħed miegħek. Timxix skont ma tħoss, għax dan mhux dejjem ikun taħt il-kontroll tiegħek; il-mertu kollu jinsab fir-rieda… Minix ser nilludik bi prospetti ta’ paċi u konsolazzjonijiet; għall-kuntrarju, hejji ruħek għal battalji kbar. Kun af li issa inti tinsab fuq palk kbir fejn is-sema u l-art kollha qegħdin iħarsu lejk. Issielet bħal kavallier, sabiex Jiena nkun nista’ nippremjak. Toqgħodx tibża’ bla bżonn, għax m’intix waħdek (Djarju, 1760).
Bkejt dak il-ħin! U aktar bkejt bil-qalb! Imma bkejt bil-ferħ u mhux bid-disperazzjoni! Bkejt bit-tama u mhux le aktar bi qtigħ il-qalb! Għax f’moħħi u f’qalbi ġew l-istess kliem li kien qal Patri Piju fil-film ta’ Sergio Castellito meta tħaddet fuq il-persekuzzjonijiet kbar li għadda minnhom bl-attakki li kien jagħmillu x-xitan: Kont naf li meta mmur quddiemu (quddiem Ġesù) ħadd u xejn ma seta’ jagħmilli ħsara! X’għerf ħbieb! X’qawwa! X’kuraġġ! X’tama! X’rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin!
Ġesù nnifsu, b’din il-kwotazzjoni mill-aqwa mid-Djarju ta’ Santa Fawstina, għallimni biex nibqa’ nissielet b’konvinzjoni li Hu qiegħed miegħi! Għallimni biex ma nagħtix każ tal-qtigħ il-qalb li x-xitan jagħmilli bin-nies, biċ-ċirkustanzi u bil-ħsibijiet. Għax dawn m’humiex fil-kontroll tiegħi. Għallimni li l-mertu tiegħi qiegħed fir-rieda tiegħi li nitolbu: Mulej kun miegħi waqt it-taqbida! Għallimni biex ma niġrix wara ħajja mingħajr problemi u inkwiet. Din ma teżiżtix! Għallimni nħejji ruħi għall-battalji tal-ħajja bit-talb. Għallimni nissielet bħal kavallier mhux għax muskolat imma l-għaliex Hu, li qiegħed fija, qed jagħmel il-ġlieda għalija Hu! Għallimni li jekk nibqa’ miegħU u nħalliH jiġġieled fija ħa jippremjani żgur. Minn din id-dinja stess! Għax fija u bija jixkana t-tfixkil tal-għadu u jiftaħ triq wara l-oħra fil-baħar! Għallimni ukoll biex ma nibża’ minn ħadd għajr minnu BISS! Għallimni li la għandi lilU miegħi ħadd u xejn ma jista’ jagħmilli ħsara. Għax Hu jsib tarf ta’ min iħassar lill-bniedem, tax-xitan.
Issielet! Ħa tirbaħ! U biex tirbaħ itolbu hekk: Mulej tini saħħtek! Ħalli int tikkumbatti lil għadu tiegħek u tiegħi fija u terġa’ tirbaħ mill-ġdid kif erbatħlu int! Minn dejjem ta’ dejjem u għal dejjem. Amen!
Patri Mario Attard OFM Cap