€687,795 miġbura waqt il-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza


687,795 inġabru waqt il-ħdax-il edizzjoni tal-maratona ta’ volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza li saret bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Lulju 2019 fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Din is-somma tinkludi €378,226 li nġabru waqt l-edizzjoni speċjali tal-programm Xarabank tat-28 ta’ Ġunju fuq TVM.

WhatsApp_Image_2019-07-08_at_01.156257512223

40 player rġiel u nisa, coaches, referees, scorekeepers, tobba, fiżjoterapisti u infermiera sfidaw is-sħana li ippersistiet u għal tlieta u ħamsin siegħa sħaħ intlagħab il-Volleyball biex jinġabru l-fondi li d-Dar tant għandha bżonn. Il-maratona kienet inawgurata uffiċċjalment nhar il-Ġimgħa mill-E.T. il-President ta’ Malta Dott. George Vella. Żaru wkoll il-Maratona il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat u s-Sinjura Michelle Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi, ministri, segretarji parlamentari, deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u membri Maltin tal-Parlament Ewropew. Kollha qattgħu ħin jirrispondu wkoll it-telefonati mill-membri tal-pubbliku li kienu qed iċemplu biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità li wera f’din il-maratona u wiegħed li din il-ġenerożità se tissarraf f’aktar ħidma għall-persuni residenti fid-Dar.

Il-Maratona tal-Volleyball ixxandret b’mod dirett f’diversi ħinijiet fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, ONE TV u NET TV.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti