Belgħa kafè ma’ Lawrence Gonzi


Kont għadni kemm nispiċċa mix-xift ta’ billejl. Kemm kelli xogħol x’inwettaq f’dak illejl! Għalhekk, wara li qaddist, bi ħġari, għalkemm mhux bid-dritt kollu, l-għaliex nemmen bis-sħiħ li quddiem il-Mulej dmir wieħed BISS għandna: li ILKOLL KEMM AĦNA nħennu għal xulxin bħalma jħenn għalina Missierna tas-Sema, aħna li ma jistħoqqilniex, mort nieħu l-kafè tas-soltu.

Hekk kif dħalt fir-restorant mill-ewwel ilmaħtu! Rajtu bilqiegħda. Hemm. Fuq il-mejda quddiem ir-restorant. Għall-ewwel ma’ ridtx nemmen lil għajnejja! Ħarist! U erġajt ħarist! U, aktar ma ħarist, aktar rajt li kien hu! Iva! U ħadd ħliefu! Dr. Lawrence Gonzi! Bħal ħafna Maltin u Għawdxin lil Dr. Lawrence Gonzi nafu bħala Prim Ministru ta’ Malta bejn l-2004 u l-2013. Mhux faċli tkun fil-politika. Aħseb u ara mela li tkun Ministru jew Prim Ministru! Għalhekk, anki biss għal dan il-fatt, Dr. Lawrence Gonzi, bħal kull politiku ieħor, hi x’inhi l-linja politika tiegħu, jixraqlu bil-bosta kull rispett u ammirazzjoni. Irid ikollok gazz tassew kbir li tkun Prim Ministru! Mela, grazzi kbira lilkom għeżież Prim Ministri passati, preżenti u futuri! Nammirakom u nitlob għalikom minn qalbi, intom li dħaltu għal biċċa xogħol daqshekk iebsa!

Għalhekk, meta rajtu jieħu l-kafè u ma kellu lil ħadd ħdejh, bħala sempliċi Patri Kapuċċin biċ-ċoqqa u iben San Franġisk, li kien jitħallat mhux biss mal-fqir imma anki mal-Podestà (il-maġistrat ewlieni fil-politika medjevali Taljana), ħassejtu b’unur u anki bi dmir li nieħu l-kafè cappuccino tiegħi ma’ dan ħuna Malti li qeda minn qalbu lil pajjiżna. Għalhekk, bis-sempliċità kollha, poġġejt ħdejh. Lawrence, għax hekk bdejt insejjaħlu wara l-ewwel Dottijiet formali li ħarġuli minn fommi u li ma ħallewnix ikun Patri Mario, laqagħni bil-qalb kollha. Kemm apprezzajt li personalità kbira, bħalma hu Lawrence Gonzi, jilqa’ lili, naqra ta’ Patri, boċċu boċċu, għodu għodu. U, sintendi, bil-boilersuit!

Qbadna parlata flimkien u tkellimna fuq bosta suġġetti. Xejn politika tafux! L-għaliex il-politikani, jew, f’dan il-każ, l-eks politikanti, qabel ma huma qaddejja tal-istat, huma, l-ewwel u qabel kollox, bnedmin bħalna. U, filwaqt u bir-raġun kollu li nagħtuhom ir-rispett u l-imħabba tagħna ILKOLL KEMM HUMA, u mingħajr l-ebda distinzjoni, għax Maltin u Għawdxin ħutna huma, hu x’inhu l-partit u t-twemmin politiku li jħaddnu, nagħmlu tajjeb li nitħaddtu magħhom minn qalbna. U li noffrulhom imħabbitna. Nerġa’ ngħid u nisħaqq: ILKOLL KEMM HUMA! Huma ta’ liema kulur u partit huma!

Din il-laqgħa ma’ Lawrence Gonzi, bħall-laqgħat oħra li kelli ma’ l-eks politikanti Maltin u Għawdxin, fosthom il-Perit Dom Mintoff, ukoll eks Prim Ministru ta’ Malta, kienet esperjenza mill-isbaħ għalija. L-istess bħalma kien ġrali meta tħadditt mal-Perit Mintoff anki ma’ Lawrence Gonzi ntbaħt kemm meta issir taf il-persuna, lil hinn mid-dinja tal-midja u l-polemika, xi ħaġa ferm sabiħa tinfetaħ quddiemek! Il-politikant li għandu qalbu fil-qadi tal-poplu, bħalma kienu dawn iż-żewġ eks Prim Ministri, dejjem jgħaddilek il-barka tal-valuri li jħaddan.

Politiku ġenwin, bħalma huma ż-żewġ persuni li semmejt diġà, it-tnejn li huma joħolqu fraternità madwarhom. Kemm apprezzajt li persuni bdew jieqfu u jkellmu lil Lawrence!

Minn din il-laqgħa sabiħa li kelli ma’ Lawrence Gonzi tgħallimt li l-politiku huwa l-bennej tal-fraternità. Għalhekk, b’fomm San Franġisk, lilkom politiċi nixtieq is-saħħa u l-paci lilkom ilkoll!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.