It-Trinità tal-eżiżtenza u tal-ħajja


Għalkemm is-Solennità ilha li għaddiet xorta waħda l-preżenza tagħha tibqa’ magħna. U, allaħares dan ma kienx. L-għaliex li kieku int u jien, nemmnu u ma nemmnux fiha, ma neżiżtux.

Darba minnhom, f’diskursata interessanti li kelli l-Ispirtu tal-Mulej tani x’nifhem kemm hi qawwija l-eżiżtenza tat-Trinità fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Forsi ħafna aktar qawwija milli int u jien nistgħu naħsbu. Meta wieħed joqgħod jaħseb ftit ħajjitna hi Trintarja. Għax, u jekk wieħed iħaffer sewwa u fil-fond tagħha, mill-ewwel isib tlett perli li jgħinuh bis-sħiħ biex jimxi wara Ġesù mill-qrib! Dan l-għaliex, u b’mod awtomatiku, jidħol jgħammar fit-Trinità li tgħix fostna. It-Trinità immanenti!

L-ewwel nett, il-Missier. Min hu? Hu Dak li ħalaq kollox. Mela ħalaq mhux biss l-affarijiet li jidhru u li huma sensibbli għalina, bħall-art u s-sema u dak kollu li hemm fihom. Iżda, ħalaq ukoll, l-aqwa ħaġa: ir-ruħ. Il-Missier li jonfoħ l-Ispirtu tiegħu fik u fija! Bħalma tgħid il-Kelma ta’ Alla: Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja (Ġen 2:7). Imma x’nefaħlu l-Mulej Alla fi mnifsejh lill-bniedem? Mela lili u lilek? Ir-RELAZZJONI! (Bir-Russu Отношения – otnosheniya).

Fil-fatt, l-Ispirtu s-Santu, it-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa, huwa dak li jżomm it-Trinità flimkien. Mingħajru t-Trinità iżżarma. Ma tibqax familja. Ma tibqax ħaġa waħda. Mela, la dan hu l-każ, l-Ispirtu s-Santu huwa essenzjali! Issa, dan l-Ispirtu, ġej mill-Missier. Dak il-Missier li jivvinta r-relazzjonijiet. Joħloqhom. Huwa l-għajn tar-relazzjonijiet. U mhux biss ir-relazzjonijiet bejn ħlejqa u oħra iżda, u bl-aqwa mod, ir-relazzjonijiet bejna l-bnedmin. Huwa hu li jlaqqagħna flimkien. Huwa hu li jibni l-imħabba tiegħU għal xulxin bejnietna. Huwa hu, ħa ngħid hekk, il-ħuttab. Għax, l-hena tiegħu, hi li uliedU jkunu flimkien. U, ngħid jien, jekk missier ta’ din l-art li hu midneb jara x’jagħmel biex ilaqqa’ lil uliedu flimkien mela aħseb u ara x’jagħmel Missierna tas-Sema, li Hu l-għajn ta’ kull qdusija?

Imma din ir-relazzjoni tissarraf meta ssir KURA (Bir-Russu Заботливый – ). U, il-Missier, li Hu spirtu, inkarna għalina din il-kura fil-persuna ta’ Ibnu Ġesù Kristu Sidna. Iva! Ġesù huwa l-kura ta’ din l-imħabba, ta’ din ir-relazzjoni tal-Missier, għalina. F’Ġesù naraw lill-Missier li jgħallimna nitolbu. F’Ġesù, il-Missier jgħidilna kif għandna nidħlu f’relazzjoni miegħu. Tant hu hekk li Ġesù tana l-aqwa talba ta’ kura li hi l-Missierna. F’din it-talba daqshekk kbira u sabiħa aħna naraw il-kura ta’ Ġesù għalina. Biha Ġesù għallimna kif għandna nippreżentaw ruħna quddiem Missieru u Missierna. U dan dejjem għall-ġid tagħna. Qalilna biex infaħħruh. Biex nitolbuh ħalli saltnatU tiġi fuq din l-art. Ħeġġiġna biex nitolbuh il-ħobżna ta’ kuljum. Uriena bl-importanza li nfakkruh ħa jaħfrilna dnubietna daqskemm aħna naħfru lil min jonqosna. Qalilna biex ngħidulu li jipproteġina minn kull tiġrib u deni.

Anki ħajjet Ġesù kienet kura kontinwa tal-Missier għalina l-bnedmin. Ġesù fejjaqna. Ħafrilna dnubietna. Għallimna. Temagħna. Semagħna. Agħmel kull xorta ta’ mirakli għalina. U, bħala omm ta’ vera, baqa’ magħna billi ta ħajtu għalina. Iżda mħabbtu ma waqfitx hawn. L-għaliex, meta wasal għalih il-mument li jitla’ fis-sema, biex joqgħod fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier, baqa’ jagħmel lilu nnifsu preżenti fis-sagramenti u fil-Knisja tiegħu. U, permezz tal-Knisja tiegħu, Ġesù għadu jaħfrilna dnubietna, jidlikna biż-żejt tal-fejqan, jaħsilna u hekk iseħibna fil-Ġisem Mistiku tiegħu tal-Knisja, u, fuq kollox, imantnina bil-Ġisem u d-Demm tiegħU. X’kura din hux li Ġesù jagħtina?

Madankollu l-istorja ma tispiċċax hawn! Hemm imbagħad ix-xogħol tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu li jakkumpanjana. Dak l-Ispirtu li akkumpanja lil Alla l-Missier fil-ħolqien tad-dinja. Dak l-Ispirtu li jiġri fuq l-ilmijiet tad-diżordni. Ibda’ minn dik tal-Ġenesi, fil-bidu u spiċċa f’dik tallum. U, dan l-Ispirtu akkumanjatur huwa l-Ispirtu li għadu jimxi magħna. Kemm b’mod personali meta nitolbuh u anki bħala Knisja. Aktar u aktar fis-sagramenti tagħha! Kien dan l-Ispirtu li akkumpanja l-kittieba tal-Iskrittura biex, taħt l-influwenza setgħana tiegħu, huma setgħu jwasslulna l-Kelma tal-Mulej. U dan l-Ispirtu jibqa’ jkun id-Direttur spiritwali u anki iva materjali, ta’ dawk kollha li jinfetħu beraħ għat-tmexxija tiegħU.

Meta tħadditt ma’ din il-persuna fuq dawn it-tlett valuri li joħorġu mit-Trinità, jiġifieri relazzjoni, kura u akkumpanjament, din il-persuna mtliet b’ferħ kbir. U bkiet ukoll! U, illum, nifimha fuq li nifihma! L-għaliex, wara l-logħbiet ta’ poter li ilkoll, min ftit u min ħafna, li nagħmlu fuq xulxin, int u jien nokorbu għal dawn it-tlett kelmiet: RELAZZJONI, KURA U AKKUMPANJAMENT.

Kos hux! Ma tridx tkun xi teologu bil-lawrja biex il-Mulej idaħħlek fil-misteru tiegħU! Lanqas li tkun taf bl-amment ħafna kotba u papers miktubin minn dak u minn l-ieħor jew l-oħra. Li trid hi qalb sempliċi. Dik il-qalb li tinfetaħ għall-għatx kbir tal-imħabba li hemm fija u fik. Dik l-imħabba li quddiemha, minħabba l-biża li għandna minn xulxin, nafu nitgerrxu minnha u naħarbu. Bħalma jagħmel ix-xitan.

Imma le ħbieb! Ejjew insemmuhom dawk il-kelmiet daqshekk sbieħ u nħalluhom imexxu lil ħajjitna. RELAZZJONI. KURA. AKKUMPANJAMENT. U dawn isiru tiegħek u tiegħi meta nitolbu ma’ dawk li l-Mulej tana f’ħajjitna biex inħobbu u niġu maħbuba minnhom fil-Mulej!

Mulej, nissel fija r-relazzjoni tiegħek. Ħarriġni fil-kura tiegħek. Saħħaħni fl-akkumpanjament tiegħek. U għini biex dawn it-tlett valuri ngħixhom tassew ma’ ħuti l-bnedmin. It-trinità tal-eżiżtenza. Tal-ħajja vera. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.