L-immunità spiritwali


Mhux l-ewwel darba li smajt dan it-terminu. Li, u biex ngħid is-sewwa kollu, meta smajtu qanqal fija interess mhux ftit.

L-immunità spiritwali! Jien ġej minn ambjent kliniku. Avolja jien Patri! Għax xogħli dejjem mal-morda. Fl-isptar Mater Dei. L-ideja ta’ l-immunità tfakkarni fis-sistema immunitarju. Jew l-immunity system. Ix-xjenza tfissirha bħala dik is-sistema ta’ ħafna strutturi bijoloġiċi u proċessi fl-orgnaniżmu li jipproteġu l-ġisem mill-mard. Mela, l-essenza tas-sistema immunitarja hi l-ĦARSIEN tal-ġisem tal-bniedem mill-mard li jmarrdu biex jeqirdu.

U, biex dan il-ħarsien aħna nżommuh tajjeb, it-tobba bravi tagħna jgħidulna biex nieħdu diversi prekawzjonijiet. Fosthom issemmu l-indafa, it-titqib, l-ikel sustanzjuż, is-sigurtà f’destinazzjonijiet ta’ vjaġġar, ilma safi għax-xorb u l-bqija. M’għandniex xi ngħidu, ikel ta’ ħaxix u li jkollu fih ħafna proteini huwa ta’ l-akbar benefiċċju għas-sistema immunitarja tagħna.

Meta rajt ħafna affarijiet x’wieħed għandu jagħmel biex iżomm is-sistema immunitarja tiegħu tajba bdejt ngħid lili nnifsi: Kemm tassew hu proġett għaqli li wieħed jieħu ħsieb saħħtu! Veru ħbieb! Hu proġett! L-għaliex hemm wisq xogħol! Hu proġett l-għaliex jinvolvi ippjanar. Hu proġett l-għaliex wieħed irid ikun umli biżżejjed u jikkonsulta!

Mela, jekk biex nieħdu ħsieb ġisimna irridu nagħmlu dan l-ppjanar kollu aħseb u ara x’irridu nagħmlu biex nieħdu ħsieb ruħna? Nemmen u ma nemminx, jien ġisem u ruħ għandi. U, jekk ma jkollix l-immunità spiritwali soda jien faċli nimrad! B’mod spiritwali u anki fiżiku! Kemm persuni li, għax għadhom ma ħafrux, bħalissa qed jgħixu f’rabja kbira! U hekk kissru l-ġisem tagħhom! U ħarqu l-istonku tagħhom ukoll! U aqta’ kemm għollew il-pressjoni tad-demm u r-rati ta’ qalbhom mas-smewwiet! U dan kollo l-għaliex ma ħafrux! Għax għadhom iżommu ġo qalbhom! U hekk għadhom ma neħħewx minn fuqhom it-toqol tal-mibegħda u s-sentiment kontinwu għat-tpattija. Dawn ħutna mhux biss huma imsieken imma ta’ min wieħed jitlob għalihom minnufih! U jara li qatt ma jinsiehom!

Aħna għandna bżonn l-immunità spiritwali! Għandna bżonn insaħħuha! Illum qabel għada. Inkella, l-għadu tagħna, ix-xitan, se jkompli jmarradna. Se jkompli jitfa’ l-vleġeġ tiegħu kontrina biex jagħmlilna l-ħsara. Veru li l-Mulej jista’ kollox. Biss ma nistennewx minnu dak li qatt ma jista’ jagħmel, jiġifieri li jinforza ruħu fuqna! Le! Il-Mulej dejjem iħallina fil-libertà tagħna. Biex inkunu aħna li, fl-aħħar mill-aħħar, nagħżluh jew ma nagħżluhx f’ħajjitna!

Dan kollu jwassalna biex naffermaw b’qalbna kollha li l-Mulej MA JMARRADX! U MA JIBGĦATX MARD! Il-mard mix-xitan ġej! Li kieku l-Mulej kien imarrad kieku kif jagħti l-fejqan? U mela l-Mulej taċ-ċajt, jirranġa affarijiet li jkun Hu stess ħassar? Possibbli ma jafx jagħmilhom tajjeb mill-ewwel? Barra minhekk, jekk il-Mulej hu infinitament tajjeb kif minnu jista’ joħroġ il-ħażen tal-mard? Kieku tgħidli li l-mard qiegħed fl-infern allura ngħidlek li ħaqqek Prosit mill-kbar! Għax qed tirraġuna tajjeb! Kieku tgħidli li huwa x-xitan li jmarrad lill-bniedem anki hawn tkun qed tgħidli verità mill-aktar kbira. U, b’kelma bejn tnejn, ħallini nirringrazzjak u ngħidlek: Prosit! oħra mill-ġdid. Iżda li tgħidli li l-Mulej jibgħat il-mard, u li l-Mulej joqtol lil xi ħadd, meta Hu l-istess ħajja, din ma nista’ naċċettaha qatt! U dan nagħmlu mhux l-għaliex imqanqal mis-suppervja imma biss l-għaliex jien misjuq mill-verità tal-Kelma tal-Mulej stess fil-Bibbja.

Issa li stabbilixxejna li l-Mulej ma jmarrad lil ħadd, tant li fil-Bibbja Ġesù stess jfejjaq lill-morda, u hekk juri li l-mard mhux parti minnu nnifsu, l-għaliex hu l-ħajja, kif qal hu stess: Jiena it-Triq, il-Verità u l-Ħajja (Ġw 14:6), tajjeb li naraw ftit kif nistgħu insaħħu l-immunità spiritwali tagħna.

L-ewwel nett, din l-immunità tissaħħaħ permezz tat-talb! L-ewwel li ma jiġuni f’moħħi huma s-sagramenti, il-qari tal-Kelma ta’ Alla, ir-Rużarju, il-Kurunella tal-Ħniena Divina u tant u tant talb ieħor li nistgħu nitolbu. It-talb dejjem jibqa’ l-għajn ewlenija biex din l-immunità spiritwali tibqa’ tissaħħaħ fina u madwarna. Jeżiżti ċertu talb li, minnu nnifsu, jdaħħalna b’mod l-aktar b’saħħtu f’din l-immunità spiritwali li l-Mulej tefa’ madwar kull wieħed u waħda minnha. Biex biha jħarisna. Tiġini quddiem għajnejja l-Ewkaristija. U anki s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Imbagħad jiġini wkoll Salm li jsaħħaħ ħafna din l-immunità fina. Dan hu s-Salm 91. Kliem dan is-Salm tant kemm hu qawwi l-għaliex, meta naqrawh bil-mod, dritt inħossu l-ħarsien tal-Mulej fuq kull wieħed u waħda minnha.

Int li tgħix għall-kenn ta’ l-Għoli, li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox, għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.” Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt. Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Int dan tarah biss b’għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena. Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek.

Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha.Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek. Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi (Salm 91,1-16).

Barra minhekk, ħajja ‘il bogħod mid-dnub u miftuħa għall-Mulej u mgħoddija fl-għajnuna tal-oħrajn, żgur fuq li żgur li tgħinna ngħixu b’mod b’saħħtu ħafna. U meta naħfer jien nitbiegħed mill-mard. L-għaliex ġismi jgawdi mill-paċi tal-Mulej li jkun hemm tiġri fija!

Patri Mario Attard OFM Cap