Lectio Divina tal-21 Ħadd Matul Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 13, 22-30): Ġesu, fi triqtu lejn Ġerusalem, jgħaddi minn xi bliet u rħula jgħallem. Luqa qed itina rendikont ta’ dan Ħadd wara Ħadd. Ġesu jaf fejn sejjer u għalfejn: irid jeħles lill-bniedem minn dak kollu li jgħassru. Dan qed jagħmlu billi jippriedka l-Vanġelu, u, biex jixhed għall-verita’ ta’ dal-Vanġelu, se jirregala ħajtu. B’hekk ikun jista’ jagħti bidu għad-dinja tal-ħrief.

Tajjeb li kull tant jien ukoll nieqaf ftit u nsaqsi: “Jien naf fejn sejjer? Naf għal fejn?” Żgur li għandi xi idejali li nixtieq nilħaq fil-futur qrib, e.g. rigward il-familja, jew il-karriera. Dawn huma ħwejjeġ tajbin. Imma rigward il-futur aħħari, qiegħed fuq ir-rotta t-tajba? Għandi punti ta’ riferiment (boxxla jew kwiekeb) li żgur se jwassluni sad-destinazzjoni mixtieqa?

  1. “Jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” Ħafna Lhud kienu jagħmlu din il-mistoqsija. Illum ukoll issib xi Nsara li jsaqsu dan. Fi żmien Ġesu kienu jaħsbu li l-mejtin ġusti jirxuxtaw u jsalvaw, imma l-ħżiena jirxuxtaw u jiġu kkastigati. Il-Fariżej kienu jgħallmu li l-Lhud kollha se jsalvaw, imma l-Apokalittiċi kienu jgħidu li ftit se jsalvaw, i.e. dawk li josservaw bir-reqqa it-Torah, il-Kmandamenti. Mela s-salvazzjoni tiddependi mill-isforz ta’ dak li jkun u tingħata bħala premju? Le, għax din mhix xi paga, xi ħlas dovut u meritat, kif għadhom jaħsbu xi wħud, imma hi rigal mogħti lilna b’xejn minn Alla. Hekk jgħid ir-raġel tas-silta tal-lum: “Ftit huma dawk li jiġu salvati?” L-ideja żbaljata tas-salvazzjoni qanqlet ħafna tħassib matul iż-żmien: “Ħafna jew ftit se jsalvaw?” Jew “Allura Ġuda u Hitler mhux l-infern qegħdin?” Kellna diversi nies li ħolmu li raw xita ta’ erwieħ niżlin l-infern kuljum. Biex ineħħi dawn l-idejat foloz minn moħħna, Ġesu l-anqas iwieġeb lil dak it-tali, għax ried jgħaddi l-messaġġ li s-salvazzjoni ma tiġix wara l-mewt, għax kull min aċċetta l-Vanġelu f’ħajtu jaf li, wara t-tmiem ta’ dil-ħajja, kull persuna se tkun milqugħa fi ħdan il-Missier, għax aħna lkoll uliedu. Għalhekk dik il-mistoqsija kienet bla sens. Ġesu ma weġibx ukoll għax kellu ħaġa aktar urġenti x’jgħid: Hu jrid isalvana llum, minn issa! Imma, kif nafu, huma ftit dawk li jħalluh isalvahom. Fuq hekk, Ġesu hu ppreokkupat, tant li darba qal: “Ħafna huma l-imsejħin, imma ftit huma l-magħżulin,” għax ftit iridu jinvolvu ruħhom fis-Saltna ta’ Kristu billi jaċċettaw il-Beatitudni. Din hi s-salvazzjoni! Żewġt iħdud ilu, meta Ġesu qalilna naqsmu ġidna mal-foqra, kien jaf li ftit se jisimgħu minnu. Għalhekk kien qal: “Merħla ċkejkna.” L-enfasi hawnhekk hu fuq il-ħajja t’issa: Ġesu jixtieq li ma naħluhiex fix-xejn imma ngħixuha skont il-Kelma tal-Vanġelu tiegħu, għax b’hekk biss ngħixu ta’ veri umani, hekk biss ngħixu ferħanin, f’kelma waħda b’hekk biss inħallu ‘l Ġesu jsalvana.
  2. X’għandi bżonn biex insir dixxiplu u nifforma parti mis-Saltna t’Alla? (i)  “Tħabtu…” Il-kelma użata tfisser l-impenn tal-atleta biex jipprepara biex jikkompeti. Din użata ħafna minn S. Pawl: “Kull atleta jagħmel ħafna sagrifiċċji biex jirbaħ kuruna li tidbiel, imma aħna kuruna li ma tinqered qatt” (Kor).  Se nikkumbattu mhux ma’ xi ħaġa barra minna imma li għandna ġewwa, bħax-xewqat li jbegħduna mill-identita’ tagħna ta’ Wlied.  Għax mhux ħaġa naturali għalina li naħfru, nagħmlu l-ġid, ninsew lilna nfusna u nifirħu meta naraw il-proxxmu ferħan.  Jiħtieġ nitħabtu kontra dal-egoiżmu biex naċċetaw li nkunu salvati u hekk nidħlu fis-Saltna. Ġesu għadda minn dil-prova fid-deżert. (ii) Biex ngħaddu “mill-bieb id-dejjaq” irridu niċċekknu: “L-iċken fostkom (bħal dat-tifel) huwa kbir” (Lq 9). (iii) Mal-bieb hemm rassa ta’ nies li jħabbtu mal-bieb, għax is-sid għadu kif qam u għalqu: “Mulej, iftħilna. Aħna kilna miegħek u smajnik fil-pjazez.” L-Insara jsejħu ‘l Ġesu “Mulej.” Ħafna  jisimgħu il-Kelma u jitqarbnu. Jaħsbu li dan biss hu biżżejjed biex iħallu ‘l Ġesu jsalvahom. Għalhekk iwieġed is-sid: “Ma nafx mnejn intom. Morru minn quddiemi intom li ma tagħmlux is-sewwa.” Hawn toħroġ ċara d-differenza bejn il-folla u d-dixxipli awtentiċi. Luqa juża dal-kliem iebes għax fost l-Insara ta’ żmienu daħlet il-bruda, l-apatija u l-illużjoni li, bil-qadi tal-preċett tal-Ħadd biss, huma Nsara tajbin. Il-bqija jitkellmu, jirraġunaw u jġiebhom ruħhom bħall-pagani. Is-sinjuri fosthom anki jisfruttaw lill-qaddejja.  Luqa ppreokkupat għax kienu qed jaħbu dawn in-nuqqasijiet billi jattendu għal-liturġija u għal xi katekeżi. Qatt ma jistqarru l-imħabba għall-proxxu u l-għajnuna għall-foqra.  Dawn Insara prattikanti imma bla fidi. Illum mhux biżżejjed inkunu nafu kemm jattendu l-Quddies, imma kemm qed jgħixu l-fidi, l-Kmandamenti kollha u l-opri tal-ħniena. Inkella jgħodd kliem Ġesu: “Morru minn quddiemi..(ma jfissirx “morru l-infern”): l-imġieba tagħkom mhux qed tirrifletti dak li suppost qed tieħdu mill-liturġija fil-Knisja. Mela fittxu għaliex ma tridux taqsmu miegħi l-idejat, ir-raġunar  u t-tagħlim tiegħi. Biex insalvakom u biex issiru dixxipli, tridu tgħixu l-fidi kemm fil-Knisja u kemm fil-ħajja ta’ kuljum. Din ma tistax tkun bħal tal-pagani.
  3. “Nies oħra minn kullimkien se jiġu u jitqiegħdu għall-mejda tas-Saltna ….. imma intom tibqgħu barra. Dan ifisser li dil-ħajja t’issa se taħluha fix-xejn. Se tkun ħajja falluta, ħajja tal-biki u, meta tindunaw b’dan u forsi jkun tard wisq, tirrabjaw magħkom infuskom u jtikom li tiddispraw (tgħażżiż tas-snin).” F’Mattew insibu dil-espressjoni sitt darbiet, u dejjem talludi għal dil-ħajja, mhux għall-infern, kif jaħsbu xi wħud. Ġesu qed iwissi lil dawk li mhux qed iħalluh isalvahom: “Abraham, Iżakk, Ġakobb u l-profeti qatt ma semgħu il-Vanġelu, imma xorta waħda mistednin għall-mejda tas-Saltna għax ħallew l-Ispirtu t’Alla jnebbaħħhom u jmexxihom.  Kemm aktar intom għandu jmisskom din ix-xorti, intom li għandkom dal-privileġġ li qed tisimgħu il-Kelma tiegħi direttament minn għandi?”  Biex iniedi din l-imġieba ġdida tal-beatutudni, Ġesu jxebbagħha ma’ festa ta’ ikel, fejn kulħadd mogħti kemm irid bħala rigal, imma ħadd ma jista’ jikkapparra dal-ġid għax dan hu kollu tas-sid. F’din l-imġieba ġdida, mela, jiħtieġ naqsmu bejnietna bħal aħwa dal-ġid kollu mal-proxxmu.
  4. “Ta’ l-ewwel…” huma l-Lhud li lilhom tħabbar il-Vanġelu l-ewwel. Ħafna minnhom, li mhux se jaċċettawh. jispiċċaw l-aħħar. “Tal-aħħar…” huma l-popli l-oħra pagani, li minnhom kienu ħafna dawk li ħaddnu l-Vanġelu u bdew jgħixuh kif imiss.  Dawn se jidħlu  l-ewwel għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf.