Infakkru l-vittmi ta’ Atti ta’ Vjolenza minħabba Reliġjon jew Twemmin

Stqarrija għall-istampa mill-ACN – 19 ta’ Awwissu 2019

It-22 t’Awwissu – Il-Jum Internazzjonali li jfakkar lill-vittmi ta’ Atti ta’ Vjolenza minħabba r-Reliġjon jew t-Twemmin

It-22 t’Awwissu, kull sena, ġie rikonoxxut uffiċjalment mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda bħala l-Jum Internazzjonali li jfakkar lill-vittmi ta’ Atti ta’ Vjolenza minħabba r-Reliġjon jew t-Twemmin. Dan kien ir-riżultat ta’ riżoluzzjoni li għaddiet nhar it-Tlieta, 28 ta’ Mejju 2019 imressqa mill-Polonja bl-appoġġ tal-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, il-Brażil, l-Eġittu, l-Iraq, il-Ġordan, in-Niġerja u l-Pakistan.

L-Aid to the Church in Need (ACN) hija Fondazzjoni Internazzjonali Pontifiċja Kattolika ta’ karità li ilha aktar minn 70 sena tgħin lill-Kristjani li jbatu u li jiġu ppersegwitati, tilqa’ din ir-riżoluzzjoni bħala l-ewwel pass biex dan il-fenomenu ta’ traġedja ta’ persekuzzjoni reliġjuża jingħata aktar attenzjoni – partikolarment il-vjolenza kontra l-Kristjani, li sal-lum huwa l-akbar grupp reliġjuż li jiffaċċja persekuzzjoni.

Dan narawh fl-isfond ta’ realtà traġika u huwa kkonfermat minn riċerki li jinsabu f’rapporti internazzjonali dwar il-libertà reliġjuża bħal dawk ippubblikati mill-United States Commission on International Religious Freedom (USCIRF), il-Pew Research Center, u l-ACN; fejn insibu żieda bla preċedent fil-vjolenza kontra l-fidili ta’ kważi kull reliġjon, f’kull kontinent – il-Kristjani jsofru l-akbar persekuzzjoni.

Meta kkummenta dwar dan l-iżvilupp, is-Sur Mark Riedemann, Direttur tal-Affarijiet Pubbliċi u l-Libertà Reliġjuża għall-ACN, innota li dan ir-rikonoxximent mill-Ġnus Magħquda huwa pass importanti, iżda huwa biss l-ewwel pass u l-bidu ta’ proċess lejn azzjoni ta’ pjan ikkordinat b’mod internazzjonali mill-Ġnus Magħquda u mill-istati membri li jaħdmu favur il-prevenzjoni – sabiex tintemm il-persekuzzjoni reliġjuża.Is-Sur Riedemann qal ukoll li tajjeb li jiġi kkusidrat li tiġi mwaqqfa pjattaforma tal-Ġnus Magħquda ddedikata biex, pereżempju, rappreżentanti tal-gruppi ppersegwitati jew l-NGOs li jaħdmu magħhom, jistgħu jinvolvu ruħhom u jipprovdu informazzjoni mill-ewwel dwar is-sitwazzjoni tagħhom u l-isfidi li qed jiffaċċjaw.

Skont is-Sur Riedemann dawn il-case studies iservu bħala bażi biex jiġu identifikati tendenzi ta’ persekuzzjoni, min iwettaq dawn it-tipi ta’ atroċitajiet, kif joperaw u kif qed jiġu ffinanzjati, biex b’hekk ikun jista’ jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni mfassal apposta biex jipprevjeni atti bħal dawn fil-futur – jew atti bħal dawn ma jitħallewx jeskalaw għal atroċitajiet tal-massa, bħall-ġenoċidju.

is-Sur Riedemann qal “Huwa f’idejn l-istati u s-soċjetajiet ċivili li jiżguraw li din l-azzjoni simbolika tinbidel f’waħda sinifikanti. L-għan aħħari huwa li fil-futur ma jkunx hemm atti oħra ta’ persekuzzjoni reliġjuża”.

L-ACN qed tkompli tqajjem kuxjenza u għarfien fuq il-qagħda tal-Kristjani ppersegwitati u oppressi madwar id-dinja u tagħtihom appoġġ biex ikomplu jissaħħu fil-fidi u biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn jibqgħu jgħixu b’tama. Grazzi għall-ġenerożità tal-benefatturi, l-ACN tiffinanzja aktar minn 5,000 proġett f’madwar 145 pajjiż kull sena. Daqs kemm hu meħtieġ l-appoġġ finanzjarju, hekk ukoll huwa meħtieġ l-għarfien dwar it-tbatija tal-Kristjani, sabiex l-għajta ​​tagħhom tinstema’, u t-tbatija tagħhom ma tintesiex.

Kuntatt – Grace Attu – PR & Media Communications. E: communications@acnmalta.org. Tel : 21487818.  Aid to the Church in Need (Malta), 39b, Mdina Road. Attard ATD 9038,

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading