Lectio Divina tas-27 Ħadd matul is-Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 17, 5-10 ): Fis-silta tal-lum insibu lill-Appostli jitolbu ‘l Ġesu ħaġa mhux tas-soltu: “Kattar fina l-fidi.”

  1. Hawn min jgħid li, jew għandek il-fidi jew m’għandekx, u daqshekk. Dawn huma dawk li jirriduċu t-twemmin bħala pakkett wieħed ta’ verita’: biżżejjed temmen li Ġesu’ qam mill-mewt u jkollok il-fidi.  Dan hu żball.  Fil-ħsieb ta’ Ġesu’, il-fidi tista’ tikber, tonqos, anki tisparixxi għal kollox.  Żball ieħor hu jekk  inqisu l-fidi skont il-prattika tar-reliġjon, i.e. għal wieħed li jattendi l-knisja ta’ spiss, ngħidu li għandu fidi kbira.  Mhux bil-fors, għax, kif nafu tant tajjeb,  jeżistu Nsara bi ftit jew xejn fidi imma li xorta għandhom ħafna devozzjonijiet (Duluri, seba’ viżti, kurunelli, eċċ).  Qabel nibda nsuq karozza, nista’ nrodd is-salib b’fidi kbira, u allura niftakar li rrid insuq ta’ Nisrani u ċittadin tajjeb, u nista’ nroddu b’superstizzjoni qisu xi lucky charm li jeħlisni mill-periklu anki jekk nissogra nikser xi regoli.  “Nemmen” ma jfissirx naċċetta kulma  jbellgħuli.  Jekk nagħmel hekk, min ma jemminx ikollu għal xhiex jidħak bija.  Il-fidi titlob deċiżjoni tal-moħħ. Dan ried ifisser Ġesu meta qal: “Ħobb ‘l Alla b’moħħok kollu.” Imma, kif nafu tant tajjeb, il-moħħ u r-raġuni tal-bniedem huma limitati. Tasal f’punt fejn jiħtieġ tagħmel qabża fid-dlam, qabża ta’ mħabba, fiduċjuż li se ssib dirgħajn il-Missier jilqgħuk.  Bħal ġuvni li jiltaqa’ ma’ diversi tfajliet u jibqa’ għaddej, sakemm isib dik li tixgħel xrara ta’ mħabba f’qalbu; u hawn jagħmel għażla.  L-istess jiġri meta wieħed jiltaqa’ ma’ Kristu: jagħmel għażla – jew jemmen u jibda relazzjoni ta’ mħabba jew  ma jemminx – forsi jammirah xi ftit, imma ma jaċċettax il-Vanġelu tiegħu dwar ħajtu u kliemu.
  2. Min jemmen jiħtieġ iżomm il-fidi ħajja,  kuljum “jilbes lil Kristu” u jkun xhud tiegħu. Inkella jidħol f’rutina ta’ doveri reliġjużi, jibda jieħu kollox “for granted” u l-fidi tmajna. Fuq hekk Ġesu’ ta’ spiss kien jgħid lid-dixxipli: “Nies ta’ fidi żgħira.”  Ma tridx wisq biex ma toqtolx u ma tisraqx, imma, biex tpoġġi ħajtek l-aħħar wieħed bħala seftur ta’ kulħadd, trid fidi kbira.  Anki biex issir ċkejken bħal tifel żgħir biex hekk tkun tista’ “tgħaddi mill-bieb id-dejjaq.”  Għal dawn il-proposti u oħrajn bħalhom ta’ Ġesu’, id-dixxipli ntebħu li mhux se jkunu kapaċi jwettquhom weħidhom. Riedu għajnuna: “Kattar fina l-fidi.”  Ġesu’ weġibhom: “Kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda iċċaqalqu l-muntanji.  Jekk Alla jieħu ħsieb il-ħaxix tal-art, kemm aktar jieħu ħsiebkom, ja nies ta’ fidi żgħira.”  Din jerġa’ jgħidha meta waqqaf it-tempesta u meta Pietru kien se jegħreq.  Min hu ta’ fidi żgħira ma jafdax fil-provvidenza t’Alla, ma jiħux il-problemi tiegħu għandu, imma jipprova jsolvihom bir-raġunar tad-dinja, bil-flus jew bil-qerq.  Bħal Pietru, jieqfu jafdaw f’Alla u jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-forzi tagħhom biss.  Alla ma jistax ikattar il-fidi fina.  Dan irridu nagħmluh aħna stess billi nafdaw f’Alla u f’Ġesu’ mhux sa ċertu punt, mhux dment li nibqgħu komdi, imma f’kollox.  Jekk ikollna fidi daqs żerriegħa, se nagħmlu għeġubijiet kbar.  Aħseb u ara, kieku jkollna naqra fidi akbar, x’nagħmlu.  Hekk, jekk  ngħidu lil siġra tinqala’ mill-għeruq u x-xniexel u tmur titħawwel fil-baħar ma jkun xejn.  Ġesu’ juża din l-immaġini biex jurina li l-fidi għandha qawwa li taqla’ bniedem mill-għeruq tal-ħażen li fih ikun mgħarraq, u tħawwlu fit-tajjeb, avolja għal xi wħud din tidher ħaġa mpossibbli.  Meta wieħed raġel ħa ‘l ibnu marid għand Ġesu’, staqsieh: “Tista’ tagħmel xi ħaġa?”  Ġesu’ wieġbu: “Kollox hu possibbli għal min jemmen.”  Ma qallux, “Ħa nagħmel miraklu u int tista’ temmen.”  Le, imma qallu: “Jekk temmen tara l-għeġubijiet.”  Mela l-miraklu ma jseħħx qabel il-fidi, kif jippretendu xi wħud: “Jekk nara miraklu, nemmen.”  Ħafna drabi jsiru mirakli ta’ fidi madwarna bla ma nintebħu bihom, e.g.:  (i) Ġanni jirċievi azzjoni ħażina ħafna minn għand Ċikku. W ara ftit, Ċikku jaqa’ f’miżerja u jitlob l-għajnuna ta’ Ġanni.  Ġanni, imqanqal mill-fidi soda li titlob li hu jaħfer bla kundizzjoni, jgħinu.  Dan miraklu li jseħħ mhux permezz tal-istint tal-bniedem imma tal-fidi; (ii) Ħafna jemmnu li fid-dinja hu impossibbli li ma jkunx hawn gwerer u vjolenza.  Bil-fidi jkun possibbli li l-bnedmin jgħixu t’aħwa, dment li jemmnu fi Kristu u l-Vanġelu tiegħu.  Dawn huma s-siġar enormi li jinqalgħu mill-għeruq u l-muntanji li jaqgħu il-baħar; (iii) “Imma jien mgħaddas fil-vizzji.  Impossibbli ninbidel!”  Dan hu riżultat għax “intom ta’ fidi żgħira ħafna.”
  3. “Wieħed minnkom ikollu qaddej… Se jgħidlu: ‘Isa, u oqgħod għall-ikel’?” F’dil-parabbola Ġesu’ jsaqsi dil-mistoqsija u tnejn oħra.  It-tagħlima li se jagħti mhijiex fuq l-inġustizzja tas-sid lejn il-qaddej/skjav.  Żgur li d-dixxipli qablu miegħu li s-sid kellu dritt jikkmanda u l-qaddej jobdi. Anki wara ġurnata xogħol iebsa fl-għalqa, kien mistenni li l-qaddej l-ewwel iservi l-ikel lis-sid, imbagħad jiekol hu. L-identita’ tal-qaddej hi din u din biss.  Is-sid l-anqas ma kien obbligat li jroddlu ħajr ta’ dan, għax kulma jkun għamel hu d-dover tiegħu.  Bħalma hi n-natura tad-dielja li tagħmel l-għeneb u l-warda li tfuħ, hekk hi l-identita’ tan-Nisrani li jkun qaddej.  Mhu se jkollu l-ebda mertu żejjed meta jaqdi, għax din hi n-natura tiegħu.  Mela, f’dinja fejn kulħadd jipprova jaħtaf il-poter biex ikun sid, biex tipperswadi Nisrani biex ikun qaddej, se tkun aktar diffiċli milli tordna lil siġra kbira tinqala’ minn għeruqha u tmur titħawwel band’oħra, jew lil muntanja biex taqa’ l-baħar.  Biex iseħħ dan jiħtieġ miraklu – miraklu ta’ fidi.  Alla mhuwiex sid imma qaddej.  Kif l-Iben il-waħdieni tiegħu ħa fuqu din l-identita’, hekk aħna l-bnedmin, ulied Alla, jiħtieġ nagħmlu bħalu.  B’hekk isseħħ id-dinja l-ġdida  li ta bidu għaliha Kristu fuq is-salib.  Wara li nkunu qdejna ħajjitna kollha, xorta ma nsirux sidien: “Aħna servi u għamilna biss dak li kellna nagħmlu.”

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini  

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading