Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġilormu


Fit-30 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Ġilormu, Saċerdot u Duttur tal-Knisja li għix bejn is-snin 340 jew 345 sa 420

saint_jerome.jpg
San Ġilormu

San Ġilormu twieled bejn is-snin 340-345, minn ġenituri għonja nsara, fi Stridonju, qrib Akwileja, mhux ’il bogħod minn Trieste, mal-fruntiera tad-Dalmazja (Jugoslavja).

Il-ġenituri tiegħu bagħtuh Ruma biex jistudja taħt il-famuż għalliem Donatu.  Tħarreġ sew fil-Grieg u fil-Latin.

F’madwar is-sena 360 tgħammed minn idejn il-Papa San Liberju.  Billi kien tal-fehma li biex wieħed jikber fil-għerf ried bilfors jivvjaġġja, ħalla Ruma u mar idur ma’ l-Imperu Ruman, fejn iltaqa’ ma’ ħafna persuni prominenti, sakemm waqaf f’Akwileja għall-ħabta tas-sena 370.

Fis-sena 374 telaq lejn l-Orjent fejn wara ħafna ġiri wasal Antjokja.  Wara ftit mar f’deżert fil-qrib, Kalċide, jgħix ħajja ta’ eremita.  Fl-istess waqt beda jistudja l-Ebrajk mingħand għalliem Lhudi.

Wara xi sentejn raġa’ lura lejn Antjokja, fejn l-Isqof An Pawlinu ordnah saċerdot, għad li hu xtaq li jibqa’ kif kien (x’aktarx li qatt ma qaddes).

Minn Antjokja mar Kostantinopli fejn beda jistudja l-Iskrittura Mqaddsa mingħand San Girgor Nazjanzenu, u fis-sena 382, telaq lejn Ruma.

F’Ruma il-Papa San Damasu I ħatru segretarju tiegħu.  F’din il-kariga beda dak li fuq medda ta’ tletin sena kellu jsir ix-xogħol monumentali tiegħu, il-Vulgata.  Kien ukoll il-mexxej spiritwali ta’ bosta nisa twajbin rumani, fosthom Santa Pawla.

Ftit wara l-mewt tal-Papa Damasu (Diċembru 384), Ġilormu erħielha lejn l-Art Mqaddsa fejn wasal fis-sena 386.  Hawn bena monasteru għall-irġiel, ieħor għan-nisa, u ieħor biex jilqa’ l-pellegrini fih halli jekk Marija u Ġużeppi jerġgħu jiġu jżuru Betlem, isibu post ta’ kenn.  Hu mar jgħix f’għar fil-qrib imħejji apposta għalih.

Meta Alariku għamel ħerba minn Ruma, ħafna mill-Insara ħarbu u marru Betlem.  Ġilormu ħadem bla serħan biex jgħinhom.

Kiteb opri ta’ għerf kbir fuq il-Bibbja, it-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim mill-Ebrajk għal-Latin, u tat-Testment il-Ġdid mill-Grieg, kummentarji fuq il-biċċa l-kbira taż-żewġ Testmenti.  Barra minn hekk, ma kienx hemm ereżija fi żmienu li hu ma kkumbattihiex bl-aħrax, fost l-oħrajn, id-difiża tax-xbubija perpetwa ta’ Marija. L-qima tar-relikwi tal-martri, iċ-ċelebat tal-kleru.

San Ġilormu miet f’Betlem fit-30 ta’ Settembru 420.  wara marda twila.  Difnuh fil-monasteru tiegħu, f’Betlem.  Wara xi żmien, il-fdal ta’ ġismu ttieħed Ruma fejn illum jinsab midfun fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore.