L-Arċisqof lill-Ġudikatura


It-Tlieta 1 ta’ Ottubru 2019, Mons Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi.

Fl-omelija tiegħu fakkar li l-imħallef u dak li hu l-kultur tal-liġi u tal-ġustizzja, fl-avukatura u l-maġistratura jagħti ħajtu biex ipoġġi rimedju għall-inġustizzji u t-talba tiegħu trid tkun li r-rimedju li jpoġġi ma joħloqx inġustizzji oħra jew ikbar.

Mons Scicluna kkwota siltiet mid-diskors li l-Papa Franġisku għamel lill-maġistrati Taljani fid-9 ta’ Frar li għadda fejn qal li Inti biex tkun ġust f’każ partikolari trid tuża l-prudenza.  Imma inti biex tasal għall-ġudizzju prudenti, irid ikollok il-fortezza, ma tibżax, u t-temperanza, ma tfittix lilek innifsek.

Il-ġustizzja hija stil ta’ ħajja, mhux it-toga li tista’ ddendilha fi gwardarobba u tinsieha. Il-ġustizzja hija bħall-ġilda, inġorruha magħna. L-Arċisqof żied jgħid li l-maġistratura trid tkun indipendenti minn kull influss politiku u allaħares l-għażla tal-maġistratura tkun statement politiku għax dik toqtol l-indipendenza esterna tal-maġistratura.

B’għaqal kbir il-Papa jispjegalna li l-mod u t-tempestika tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja tista’ tagħti anke lill-iżjed dgħajjef jew esperjenza ta’ solliev u faraġ jew inkella trawma li ntesa jew ġie diskriminat. Għalhekk l-imħallef, hu u jagħti dak li ħaqqu lil min ikun hemm quddiemu, irid jagħraf ukoll il-fraġilità tal-bniedem.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija