Il-Papa jiftaħ ix-Xahar Missjunarju

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 1 ta’ Ottubru 2019, Il-Papa Franġisku iċċelebra l-Vespri fil-Bażilika ta’ San Pietru biex jiftaħ ix-Xahar Missjunarju Straordinarju ta’ Ottubru fil-festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Għalkemm qatt ma ħalliet il-monasteru Karmelitan hija l-patruna universali tal-missjonijiet flimkien ma’ San Franġisk Saverju.

Il-Papa fakkarhom it-tnejn fl-omelija tiegħu flimkien mal-Venerabbli Pauline Jaricot, lajka Franċiża li għenet fit-twaqqif tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċji għaliex huma lkoll jisfidawna biex noħorġu mill-qoxra tagħna u niċċaħdu mill-kumditajiet tagħna għall-Vanġelu.

Il-Papa qal li li tkun missjunarju jfisser li tgħix bħala xhud u nidinbu kontra l-missjoni meta ma nxerrdux il-ferħ, meta naħsbu li aħna l-vittmi li ħadd ma jħobb jew jifhem. Jew meta ngħixu l-ħajja bħala piż u mhux don u meta npoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru u mhux lil ħutna li qed jistennew lil min iħobbhom.

Jekk il-Knisja ma tiċċaqlaqx mhijiex Knisja. Knisja missjunarja ma taħlix ħin teqred fuq dak li sejjer ħażin iżda tara dejjem kif tkun melħ tal-art u ħmira fid-dinja.

F’dan ix-xahar Missjunarju, il-Papa Franġisku qal li l-Mulej qed isejjaħ lil kulħadd biex ilkoll inkunu don kull fejn inkunu, kif aħna u ma’ min aħna.

Ġesù qed jitlobna mhux biss biex ngħixu l-ħajja imma biex nagħtu l-ħajja. Biex ma ngergrux dwar il-ħajja iżda li naqsmu mid-dmugħ ta’ dawk li jbatu.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

%d bloggers like this: