Nimlew qalbna b’Alla u mhux b’affarijiet li jġibu l-vojt


It-Tnejn, 21 ta’ Ottubru 2019: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa ta’ Sant’Ursola fil-Monasteru Sant’Ursola, il-Belt Valletta.

D5Z_5244_211019191949.157208962878

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-Monasteru Sant’Ursola, il-Belt Valletta

Fl-istorja tal-Knisja hawn qaddisin li hemm ħafna x’taqra fuqhom, l-istorja ta’ ħajjithom hija mżewqa b’ħafna episodji, u qaddisin ukoll li kitbu ħafna, ħallew ħafna kitba li hija ta’ ġid għall-ħajja spiritwali. Imbagħad hemm oħrajn li kważi li m’hemm xejn fuqhom imma nafu xi ħaġa żgħira u din ix-xi ħaġa żgħira fil-fatt hija xi ħaġa kbira l-għaliex tmur fil-qalba tal-ħajja Nisranija.

Hija s-sejħa wkoll ta’ kull wieħed u waħda minna li jkun Alla li jimla l-qalb tagħna; ma nimlewhiex b’affarijiet oħra li jistgħu jieħdu postu imma li fil-fatt iġibu vojt.

Sant’Ursola hija waħda minn dawn, mhijiex waħda li nafu ħafna fuq il-ħajja tagħha. Hemm diversi naturalmennt stejjer imma jekk immorru fl-istorja propja tagħha ma nafux wisq imma dak li nafu huwa dak li fil-fatt huwa l-iktar importanti għall-ħajja tagħna. Jien xtaqt insemmi tliet affarijiet illi nara fil-ħajja ta’ Sant’Ursola li huma ta’ messaġġ għalina llum.

L-ewwel nett għaliha Alla kien kollox. Sant’Ursola kellha din l-imħabba kbira lejn Alla li kien jimla l-qalb tagħha. Kien hu li f’qalbha ġab il-paċi l-imħabba; kien għalih li hi ddedikat ħajjitha b’mod sħiħ u ħdejh ma kien joqgħod ħadd. Hija l-ħajja ta’ min jiddedika ruħu kompletament lil Alla bħalma jagħmlu s-sorijiet hawnhekk fil-Monasteru ta’ Sant’Ursola u għalhekk ifakkruna f’dan. Imma hija s-sejħa wkoll ta’ kull wieħed u waħda minna li jkun Alla li jimla l-qalb tagħna; ma nimlewhiex b’affarijiet oħra li jistgħu jieħdu postu imma li fil-fatt iġibu vojt. Ħdejn Alla kull tip ta’ ġid li jista’ jkollna, kull tip ta’ affarijiet li nistgħu nipposjedu aħna, ma jġib xejn minn dak li jġibilna Alla f’ħajjitna anke jekk kultant jieħu postu. U għalhekk l-ewwel messaġġ importanti għalina huwa li jkun Alla, lilu aħna nħobbu, lilu aħna naqdu u hu li jimla ’l qalbna u jkun hu dejjem l-ewwel fil-ħajja tagħna.

It-tieni messaġġ li nara fil-ħajja ta’ Sant’Ursola li mietet martri – il-kelma martri tfisser xhieda – li hi fil-ħajja tagħha, qabel ma mietet martri fil-fatt, tat xhieda tal-fidi tagħha. Il-fidi f’Alla ma kinitx xi ħaġa li tagħlaqha jew li żżommha ġewwa u ma turihiex fil-ħajja tagħha, imma hi tat xhieda tal-fidi tagħha, ma beżgħatx tagħti xhieda tal-fidi tagħha. U fejn kienet, li kien jimmarkaha kien propju f’din ix-xhieda fil-fidi fi Kristu. U b’dan għalina lkoll hija ta’ eżempju sabiħ u importanti għax aħna lkoll, li aħna mgħammdin fi Kristu, għandna din is-sejħa biex nagħtu xhieda tal-fidi tagħna fejn inkunu, fejn naħdmu, ma’ min niltaqgħu.

It-tbatija li aħna ngħaddu minnha, m’għandha qatt tbeżżagħna jew iddaħalna f’qoxortna jew ġġagħalna niddubitaw minn dak li aħna nemmnu.

Il-fidi mhix xi ħaġa li żżommha magħluqa biex jekk jista’ jkun ma turihiex, jekk jista’ jkun ma jindunawx li inti temmen. Il-fidi tintwera fl-għemil fix-xhieda li aħna nagħtu. U għalhekk kemm hija importanti din: kull fejn inkunu fil-ħajja tagħna tintwera għaliex l-għażliet li nagħmlu jkunu tassew ħerġin mit-twemmin tagħna fi Kristu, il-valuri li jsostnuna fil-ħajja jkunu ħerġin min din il-fidi tagħna fi Kristu.

Nistgħu nkunu f’ambjent fejn madwarna n-nies jaħsbuha differenti imma s-sejħa tagħna hija biex aħna ma nittiħdux mill-ambjent ta’ madwarna biex nippruvaw ningħoġbu man-nies ta’ madwarna imma nkunu lesti li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna jiġifieri li aħna dak li nemmnu nistqarruh, is-sewwa rridu nixhdu għalih anke jekk inkunu f’ambjent fejn in-nies jaħsbuha differenti. U t-talba li nixtieq nagħmel għalhekk illum hija kemm li aħna jkun Alla li jimla l-qalb tagħna, imma wkoll li din il-fidi nuruha fix-xhieda ta’ ħajjitna kull fejn inkunu.

Is-sejħa ta’ xhieda mhix l-istess tas-sorijiet hawnhekk f’dan il-monasteru jew tagħna s-saċerdoti hawnhekk u intom li tkunu f’oqsma differenti fis-soċjetà. Imma hija biex hemmhekk kull fejn inkunu aħna, kull fejn isejħilna l-Mulej, hemmhekk nagħtu xhieda tiegħu u nagħmlu dan bla biża’. M’għandniex għalfejn aħna qisna l-ħajja tagħna Nisranija narawha bħala trid tapoloġizza lil xi ħadd biex tgħix ta’ Nisrani, jew biex tagħti xhieda tal-fidi tiegħek, qisek trid tgħid skużi lil xi ħadd. Aħna m’għandna bżonn l-awtorità ta’ ħadd, m’għandna bżonn il-permess ta’ ħadd biex aħna nagħtu xhieda tal-fidi tagħna.

Il-martirju mhux xi ħaġa tal-ewwel żminijiet tal-Knisja jew l-ewwel sekli anzi pjuttost reċenti huwa l-ikbar numru ta’ martri fl-istorja tal-Knisja.

U t-tielet messaġġ li nara fil-ħajja ta Sant’ Ursola hu li propju fil-martirju tagħha li hi ma beżgħetx tbati sal-aħħar għall-fidi tagħha. Mietet martri għall-fidi tagħha fi Kristu. Dak li smajna llum fil-Kelma t’Alla li jgħid kemm Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew kif ukoll fil-qari l-ieħor li smajna, jurina kemm huwa importanti li aħna nkunu lesti li nbatu għal dak li nemmnu. Ġieli qisna neħduha bħala sorpiża – li qed nippruvaw ngħixu tajjeb u naqilgħuha fuq wiċċna? Mela x’qal Ġesù hawn? Hekk qal: jekk tipprova tgħix tajjeb, jista’ jkun li taqlagħha fuq wiċċek. Imma t-tbatija li aħna ngħaddu minnha, m’għandha qatt tbeżżagħna jew iddaħalna f’qoxortna jew ġġagħalna niddubitaw minn dak li aħna nemmnu. Anzi hija ħaġa waħda magħġuna ma’ dak li nemmnu għax nafu li aħna, biex ngħixu tajjeb, irridu nbatu, ġieli billi mmorru kontra tagħna nfusna stess dak li nħossu fina, imma wkoll ġieli l-għaliex ikun hemm min ma jogħġbux meta aħna ngħixu sew. U allura t-tbatija li ngħaddu minna aħna, irridu nkunu lesti, fiha stess naraw dak is-sinjal li aħna m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna imma jekk ngħixu tassew dak li talab minna Ġesù. U allura nkunu lesti li nbatu dan fejn hemm bżonn li nbatu minħabba x-xhieda ta’ ħajjitna.

Sant’Ursula mietet martri. Hawn ħafna llum fid-dinja kollha li jmutu martri. Il-martirju mhux xi ħaġa tal-ewwel żminijiet tal-Knisja jew l-ewwel sekli anzi pjuttost reċenti huwa l-ikbar numru ta’ martri fl-istorja tal-Knisja. Imma aħna jista’ jkun li l-martirju jkun differenti, ma jkunx il-għaliex tintemm ħajjitna b’dan il-mod bħalha, imma jkun il-għaliex hemm bżonn li nbatu biex ngħixu tassew ix-xhieda tal-fidi tagħna u biex ngħixu b’integrità, b’onestà, bil-valuri li nemmnu fihom anke meta dawn jiswew lilna t-tbatija. Bħalma smajna fl-Ewwel Qari li d-deheb isaffuh fin-nar, hekk jiġri wkoll kultant bix-xhieda tagħna jekk aħna nkunu tassew awtentiċi u leali lejn dak li jitlob minna Ġesù.

Jien nixtieq nagħmel din bħala talba llum fil-quddiesa. Nitlob lill-Mulej bl-interċessjoni ta’ Sant’Ursola biex aħna jkollna qalbna dejjem mimlija bih, ma nibżgħux nagħtu xhieda tal-fidi tagħna u nkunu lesti nbatu ngħaddu mit-tbatijia biex ngħixu tassew ta’ Nsara. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.