Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwanni Pawlu II

Print Friendly, PDF & Email

Fit-22 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil San Ġwanni Pawlu II, Papa li għex bejn is-snin 1920 sa 2005.

Karol Jozef Wojtyla twieled Wadowice, il-Polonja fit-18 ta’ Mejju, 1920. Kien l-iżgħar minn tlett itfal. Ommu Emilja mietet meta kellu 8 snin, waqt li kienet qed twelled lil oħtu Olga, li mietet ukoll. Ħuh Edmund, li kien 14-il sena ikbar minnu, sar tabib, imma mbagħad miet bl-iskarlatina. Bħala tifel kien iħobb ħafna l-atletika, kien anke f’tim tal-futbol. Kien iħobb ukoll il-palk u kien jieħu sehem f’diversi reċti – speċjalment meta kien Krakow – ma’ grupp ta’ żgħażagħ oħra, il-biċċa l-kbira tagħhom Lhud.

Fl-1938, Karol u missieru telqu minn Wadowice għal Krakow. Hemm daħal fl-Università tal-post jistudja, il-lingwi fost suġġetti oħra. Tgħallem 12-il lingwa. Waqt dak iż-żmien kellu ta’ bilfors jieħu sehem f’taħriġ tal-armata. Fl-1939, il-Ġermanja invadiet lill-Polonja u ngħalqet l-Università. Bejn l-1940 u l-1944, Karol kellu jagħmel diversi xogħlijiet, fosthom fil-barrieri u f’fabbrika tal-kimiċi. Fl-1940, missieru miet b’attakk tal-qalb waqt li Karol kien xogħol, b’hekk hu safa’ waħdu, mingħajr ebda membru tal-familja, ta’ 20 sena.

Fl-1942, beda l-istudju tiegħu għas-saċerdozju fis-seminarju ta’ taħt l-art. Fis-17 ta’ Jannar 1945, il-Ġermaniżi ħarbu mill-belt ta’ Krakow u b’hekk is-seminaristi komplew l-istudji tagħhom fis-seminarju nofsu mġarraf. Kien ordnat saċerdot fl-1 ta’ Novembru, 1946. Kompla jistudja Ruma fejn ħa d-dottorat fit-Teoloġija. Id-dottorat fil-filosofija ħadu aktar tard fl-Università ta’ Krakow.

Fl-1948, reġa’ lura l-Polonja, jagħmel appostolat f’parroċċa qrib Krakow. Fl-1949, mar jgħallem fl-Università ta’ Krakow. Hawn beda jlaqqa’ grupp soċjo-reliġjuż, ta’ żgħażagħ, li kien popolari ħafna. Fit-13 ta’ Ottubru, 1964 kien ordnat arċisqof ta’ Krakow u fis-26 ta’ Ġunju 1967, kardinal. Bħala kardinal kien instrumentali biex issir l-Enċiklika Humanae Vitae.

F’Ottubru tal-1978, wara l-mewt tal-Papa Pawlu VI, imbagħad ta’ Ġwanni Pawlu I, li l-pontifikat tiegħu dam 33 ġurnata biss, Kardinal Karol Wojtyla kien elett Papa. Kellu 58 sena, u ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu II. Kien inawgurat Papa fit-22 ta’ Ottubru. Poġġa l-ħidma tiegħu taħt il-patroċinju ta’ Ommna Marija Santissima ‘Totus Tuus.

Il-pontifikat tiegħu kien it-tieni l-iżjed twil fl-istorja tal-papiet. Għamel taqlib kbir. Żar 129 pajjiż. Ibbeatifika 1,340 persuna u kkanonizza 483 qaddis. Kiteb 14-il enċiklika. Ħadem ħafna għall-għaqda tal-knejjes. Kellu sehem kbir biex jinqered il-komuniżmu. Il-motto tiegħu kien s-sejħa universali għall-qdusija. “Tibżgħux tiftħu qalbkom beraħ għal Kristu,” kienet waħda mill-frażijiet popolari tiegħu. Waqqaf il-Jum Dinji għaż-Żgħażagħ.

Fit-13 ta’ Mejju, 1981 ippruvaw jassasinaw lill-Papa Ġwanni Pawlu II fi pjazza San Pietru. Kif ġie konxju l-isptar mill-ewwel qal li kien għadu ħaj bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija ta’ Fatima. Bl-umiltà kollha mar iżur ‘l-assassin il-ħabs u tah il-maħfra. Fl-1995, Ġwanni Pawlu reġa’ kien fil-mira, din id-darba tal-Al-Qaeda, fil-Filippini.

Fl-2001, beda jsofri bil-marda tal-Parkinsons u minkejja t-tbatijiet tiegħu kompla jaqdi dmiru sal-aħħar. Miet fit-2 ta’ April, 2005. Fis-19 ta’ Diċembru, 2009 sar venerabbli u l-Papa suċċessur tiegħu, Benedittu XVI, ibbeatifikah fl-1 ta’ Mejju, 2011. Fis-27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll Festa tal-Ħniena Divina, kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading