Pontifikal ta’ Jum Għawdex – 28/10/2019


It-Tnejn, 28 ta’ Ottubru 2019: Pontifikal ta’ Jum Għawdex fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, ippresedut mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-preżenza tal-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta.

NAGĦTU VIŻJONI LIL GĦAWDEX

Meta fil-Vanġelu naqraw li Ġesù għażel lill-Appostli, huwa kien qed iwaqqaf l-ewwel komunità Nisranija; barra minn hekk lil dawn it-tnax huwa kien qed jagħtihom ir-responsabbiltà biex iwaqqfu komunitajiet oħra u jkunu dawk li jmexxu lil dawn il-komunitajiet.

Nara xebh bejn dak li għamel Ġesù u l-ġemgħa miġbura hawn (President tar-Repubblika, Ministru għal Għawdex, u Sindki Għawdxin) f’dan il-Jum iddedikat lil Għawdex. Għaliex aħna mhux biss aħna komunità, imma intom dawk li Alla għamlilkom sejħa u takom kariżma biex tiggwidaw il-komunitajiet tagħna.

Darba Ġesù lill-Appostli fakkarhom li min ikollu l-moħriet f’idejh ma jistax iħares lura. Ġesù vżahom biex bħala mexxejja tal-komunità ma joqogħdux jaħsbu jew joħolmu fil-passat, imma li kellhom imiddu għonqhom ħalli joffru viżjoni futura lill-komunità.

Fid-dawl ta’ dan, f’dan il-Jum iddedikat għar-Reġjun ta’ Għawdex, inħeġġiġkom biex tkunu dawk li liċ-ċittadini ta’ din il-gżira tgħinuhom iħarsu ’l quddiem b’ħafna ottimiżmu, għax Għawdex għandu potenzjal għani biżżejjed biex, filwaqt li tibqa’ mħarsa l-identità tiegħu, jista’ jkompli jiżviluppa.

Aħna spiss niġu ttentati li nkunu nostalġiċi. Dan narah mhux biss fil-kamp ċivili imma wkoll fil-ħajja tal-Knisja lokali. Bħal donnu aħna nedhew inħarsu lura u naħlu ħafna mill-enerġija tagħna biex nirxuxtaw ħwejjeġ tal-imgħoddi. Imma l-passat għadda u mar. L-imgħoddi tajjeb għall-vetrina tal-mużew, imma l-komunità hija realtà ħajja u dinamika. Darba l-ħassieb u politiku Taljan Gramsci kien qal li l-qadim qed imut, imma kemm hu diffiċli li nwelldu l-ġdid! Ikun ħafna aħjar jekk l-isforzi u l-mezzi tagħna nużawhom biex “inwelldu l-ġdid” milli noqogħdu nirritornaw għall-imgħoddi. Dak li kien jagħmel sens ilbieraħ, illum ma jiftehimx. Meta nippruvaw inwelldu l-qadim inkunu nagħtu disservice lill-komunità, għax inkunu nisirqu lill-komunità l-opportunità li tieħu inizjattivi li mhux biss ikunu jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-lum, imma jkunu wkoll manifestazzjoni tal-ħiliet tagħha nfisha.

Għalhekk, aktar milli nkunu nostalġiċi, għandna nfittxu li nieħdu dawk il-miżuri li jġibu ’l quddiem l-identità tagħna. Nixtieq insemmi tliet elementi li jiffurmaw parti minn din l-identità.

Fuq quddiem nett hemm il-familja, li hija l-aqwa benniena tal-ħajja futura f’din il-gżira. Huwa dmir tagħna lkoll li nappoġġjaw il-familji Għawdxin, partikularment dawk li għadhom fl-ewwel fażi tal-mixja tagħhom bħala familja. Il-familja hija l-ewwel għajn li minnha ċ-ċittadin jixrob l-ilma tal-ħajja! Jekk il-familja tisfaxxa, dan ikollu riperkussjonijiet fuq Għawdex. Jiddispjaċini nara li għal ħafna r-realtà tal-familja hija preokkupazzjoni riservata lill-Knisja. Is-soċjetà bħal donnha taħsel idejha mid-diffikultajiet tal-familja. Kull familja għandha ssib l-appoġġ u s-sostenn, kemm dawk li huma weqfin u kemm dawk li huma mxenglin. Anzi, aktar ma familja tkun għal xi raġuni jew oħra mxengla, aktar għandha dritt għall-akkumpanjament u l-għajnuna. Jekk irridu nagħtu ġejjieni lil Għawdex, hemm bżonn ninvestu aktar u naħdmu flimkien b’risq il-familja.

Huwa urġenti li niftħu widnejna għall-karba taż-żgħażagħ tagħna. Kulħadd jaf li f’Għawdex għandna eżodu tal-ġenerazzjoni żagħżugħa. Fost il-ħafna raġunijiet li qed iwasslu biex Għawdex jitlef din ir-riżorsa umana hemm il-kwistjoni tax-xogħol. Meta ħafna miż-żgħażagħ tagħna llum għandhom edukazzjoni terzjarja, irid ikollhom opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità. Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna li dan huwa mument tal-istorja mmarkat minn qawwiet ikbar minna. Bħala aġenti ta’ din l-istorja li qed tintiseġ illum, hija responsabbiltà tagħna lkoll li naħdmu aktar biex f’Għawdex iż-żgħażagħ ikollhom dawk il-possibbiltajiet li joffrulhom opportunità li jħossuhom realizzati personalment, ikunu komdi li jiffurmaw il-familja tagħhom f’Għawdex stess, u jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-qafas soċjali, politiku, ekonomiku, kulturali u reliġjuż ta’ Għawdex. Ma nistgħux inkomplu nnaffru ż-żgħażagħ minn din il-gżira. Jekk ma jiddependix minna, nippruvaw nipperswadu lil min għandu l-mezzi biex isiru aktar investimenti fit-tul b’risq din il-kategorija – inkella hemm il-periklu li Għawdex isir dormitorju tal-anzjani. Fuq kollox, tajjeb li fil-qalb taż-żgħar tagħna nkebbsu mħabba lejn Għawdex. F’dawn l-erbatax-il sena li kont Isqof ta’ din id-Djoċesi, diversi drabi tkellimt fuq il-bżonn li ninjettaw fiż-żgħażagħ din l-imħabba lejn Għawdex tagħna u lejn pajjiżna.

L-anzjani tagħna, issa li waslu f’din il-fażi delikata ta’ ħajjithom, jistħoqqilhom ikollhom livell ta’ ħajja dinjituża. Aħna għandna obbligu kbir lejn l-anzjani, għax huma l-għeruq tagħna: “L-għeruq mhumiex ankri li jorbtuna ma’ epoki oħra u jżommuna milli ninkarnaw fid-dinja tal-lum biex inwelldu xi ħaġa ġdida. Bil-maqlub, fejn hemm l-għeruq nistgħu nikbru u nwieġbu għal sfidi ġodda” (Chritus vivit, 200). Illum aħna qegħdin hawn għax ta’ qabilna ħadmu biex jgħaddulna dan il-patrimonju sabiħ. L-anzjani huma riżorsa tal-memorja kollettiva tagħna. Kif ikompli jikteb il-Papa Franġisku, “l-eżistenza tar-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet timplika li fil-komunitajiet ikun hemm post għall-memorja kollettiva, biex kull ġenerazzjoni terġa’ taqbad it-tagħlim tal-predeċessuri tagħha u hekk tħalli wirt lis-suċċessuri tagħha. Dan jitlob kwadri ta’ riferiment biex nistgħu nibnu fis-sod soċjetà ġdida. Għax kif jgħid il-qawl: ‘Li ż-żagħżugħ kien jaf u x-xwejjaħ kien jiflaħ, ma kienx ikun hemm ħaġa li ma tistax issir’” (Christus viviti, 191).

Dawn it-tliet elementi (familja, żgħażagħ u anzjani), li huma parti mill-identità ta’ din il-gżira, joffrulna sfidi kbar, imma ma għandniex naqtgħu qalbna. Nitlob lil Alla biex jieqaf ma’ kull wieħed u waħda minna, ilkoll skont is-sejħa partikulari tagħna, u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni nkomplu naħdmu biex ikollna garanzija li għada f’Għawdex ikun hawn min jiċċelebra Jum Għawdex.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.