Ilbieraħ filgħodu l-Papa Franġisku kellu udjenza fil-Vatikan ma’ membri tal-Kunsill għall-Kapitaliżmu Inklussiv, grupp ta’ persuni li laqgħu l-isfida li tifred il-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni tad-dinja bejn il-ftit li għandhom ħafna u l-ħafna li għandhom ftit.
F’dinja fejn il-faqar qed jiżdied, qalilhom il-Papa Franġisku, fejn in-nuqqas ta’ ugwaljanza sar pjaga, tinħass l-urġenza biex ikollna sistema ta’ ekonomija ġusta li tagħraf twieġeb għall-isfidi l-aktar radikali li qed jaffaċċjaw l-umanità u l-pjaneta.
In-negozju jifforma parti mis-servizz lejn il-ġid komuni speċjalment meta joħloq opportunitajiet tax-xogħol, għalhekk ma jistax jibbaża kollox fuq it-tkabbir ekonomiku, imma għandu jkun konxju mid-dinijità tal-bniedem u tal-bniedem sħiħ, kif kien qalilna San Pawlu VI.
L-ordni soċjali ma jistax ikun ġust meta mmexxi minn sistema ekonomika nieqsa mill-etika, sistema ta’ ‘uża u armi’.
Għaldaqstant il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Kunsill biex jibqa’ sod fil-fehma li jreġġa’ lura l-ekonomija u l-finanzi għal etika favur il-persuna umana. Kienet propju l-kriżi finanzjarja tal-2008 li wriet li s-sistema ekonomika ma tistax tistrieħ fuq il-qligħ ta’ malajr, qal il-Papa.
Għalhek, issokta l-Qdusija Tiegħu, il-preżenza tagħkom hawn hi sinjal ta’ tama li jista’ jkun hemm ekonomija aktar ġusta u umana biex ittejjeb id-dinja u tagħti kas tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, għax il-kapitaliżmu inklussiv, li ma jiskarta lil ħadd, hi xenqa nobbli li ta’ min jistinka għaliha.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.