Illum il-Knisja tfakkar lil San Albertu l-Kbir


Fil-15 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil San Albertu l-Kbir, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1206 sa 1280.

San Albertu twieled f’Lauingen f’xatt id-Danubju, il-Ġermanja, fl-1206. Kien l-iben il-kbir ta’ familja sinjura ħafna, nobbli u aristokratika.

Kien qed jistudja fl-Università ta’ Padova meta ħass li kellu jsir saċerdot, u kontra x-xewqat tal-familja tiegħu daħal mad-Dumnikani fl-1223.

In-novizzjat tiegħu għamlu f’Cologne, il-Ġermanja. Ħames snin wara, beda jgħallem fil-kulleġġi tad-Dumnikani.

Fl-1245, ħa d-Dottorat fit-teoloġija mill-Università ta’ Pariġi. Kien l-ewwel Dumnikan li kiseb grad hekk għoli. Minnufih beda jgħallem it-teoloġija fl-istess Università. Hawn kellu lil San Tumas ta’ Aquino bħala student tiegħu.

Fl-1428, ġie maħtur Reġġent tal-istudji f’Cologne, fejn iż-żgħażagħ Dumnikani kienu jiġu mħarrġin biex isiru predikaturi tajbin kif kien jitlob minnhom l-Ordni.

San Albertu kien imżejjen b’intelliġenza straordinarja. Kien awtorita’ fil-Fiżika, Ġometrija, Bioloġija, Ġografija, Astronomija, u oħrajn, flimkien max-Xjenzi Teoloġiċi. Dawk li kienu jafuh, kienu jiskantaw kif moħħ ta’ bniedem wieħed seta’ jkollu dak l-għerf kollu, u fl-istess ħin ikun bniedem sempliċi, b’fidi kbira, umli u qaddis li kien iqatta’ ħafna ħin quddiem l-Ewkaristija. Minħabba l-ġenju u l-għerf fenominali tiegħu huwa magħruf bħal Duttur Universali.

Fl-1254, ġie elett Provinċjal tal-Ordni fil-Ġermanja, iżda wara sentejn irreżenja. Fl-1260, il-Papa Urbanu IV ħatru Isqof ta’ Regensburg, il-Ġermanja. Wara sentejn irreżenja. Xtaq jiddedika ruħu għat-tagħlim.

Fl-1278, waqt li kien qed jagħti ‘lecture’, f’daqqa waħda l-memorja ħallietu għal kollox, u ma ġietu qatt lura sakemm miet sentejn wara, f’Cologne, fil-15 ta’ Novembru 1280, meta kellu 75 sena. Miet fil-paċi, ħelu ħelu, bilqiegħda fuq is-siġġu tiegħu, bla mard, imdawwar minn ħutu d-Dumnikani. Ġie ddikjarat Qaddis u pproklamat Duttur tal-Knisja mill-Papa Piju XI, fl-1931.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.