Jgħidu li darba d-dinja kienet mimlija siġar, frott u fjuri. Xmajjar b’ilma nadif u frisk kienu jsaqqu l-għelieqi u l-ġonna. L-annimali l-iktar selvaġġi bħall-iljuni u t-tigri kienu jilagħbu mal-ħrief. In-nies kienu qed jgħixu fil-paċi mingħajr ma kienu jafu x’inhu dnub. Raġel xwejjaħ u twajjeb qalilhom: “Qaluli biex ngħidilkom li se tinżel ramla fuq l-art kull meta n-nies jagħmlu l-ħażin.”
Għal ħafna snin in-nies qagħdu attenti li ma jiġġildux, sakemm darba żewġ bdiewa kellhom xi jgħidu bejniethom fuq ġemel li t-tnejn qalu li hu tagħhom. Kif ħarġitilhom kelma ħażina, niżlet fuq l-art ramla waħda, ramla żgħira li ħadd ma nduna biha. Mill-kliem għaddew għal xi ġlieda u r-ramel sar gozz. In-nies daru miegħu u qalu lil xulxin: “Ukoll jekk inkunu ħżiena ħafna, iridu jgħaddu ħafna snin biex dan ir-ramel jikber daqshekk li jibda jdejjaqna!”
U n-nies ħżienu filwaqt li bdew jgħidu l-gideb u jiġġieldu. Maż-żmien bdew ukoll il-gwerer. U r-ramel li beda nieżel għatta s-siġar, il-frott u l-fjuri, u anke x-xmajjar. L-annimali ħarbu biex ifittxu x’jieklu u x’jixorbu. L-iljuni u l-ħrief ma baqgħux aktar ħbieb.
Naraw kemm nistgħu nġibu l-ħsara b’idejna stess.
Joe Galea