It-tifkira tal-għeżież mejtin tagħna


Novembru! It-tifkira tal-għeżież li telqu qabilna. Nittamaw dejjem bis-sinjal tal-fidi li ħadu fil-magħmudija biex hekk bħalma mietu f’Ibnek u bħal Ibnek hekk ukoll f’Ibnek u bħal Ibnek jirxuxtaw għall-ħajja. Hekk nitolbu fit-Tieni Talba Ewkaristika għal ħutna li qiegħdin jistrieħu fis-sliem lill-Missierna tas-Sema.

Mhux faċli meta jasal dan ix-xahar. Immorru nżuru l-oqbra. U niftakru fihom. F’dawk li aħna ħabbejna. U għandna nħobbu. Għalina dan hu mument ta’ niket. Iżda mhux għalihom. Li, minn fejn qiegħdin, ikunu qegħdin josservaw kollox. L-emozzjonijiet tagħhom ma jibqgħux bħal tagħna. L-għaliex huma qiegħdin jaraw ir-rejaltà kif tassew hi. Ir-rejaltà spiritwali. U aħna, li tant inħobbuhom, inkunu qed nitolbu għal ruħhom. Imxekklin bl-emozzjonijiet ta’ din id-dinja li tgħaddi malajr.

Darba, persuna staqsietni: U x’jiġri Patri mill-quddies li nkun għamilt għal ommi u missieri u ħuti meta dawn imorru l-ġenna? Xejn ma jintilef ħuti! Dak il-quddies jgħaddi għand erwieħ oħra li tant għandhom bżonn min jitlob għalihom. Ħafna jaħsbu li l-Purgatorju, il-post tat-tisfija, hu xi wieħed pjaċevoli. Xejn minn dan! Dan l-istat, kif jgħallimna tant tajjeb il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, hu stat fejn ir-ruħ tissaffa. U tissaffa bit-tbatija li tgħaddi minnha. L-akbar tbatija tkun dik li r-ruħ ma tkunx tista’ tingħaqad mal-Mulej li tant tkun tixtieq li tingħaqad miegħu għal dejjem. Hekk jgħallimna l-Katekiżmu dwar it-tisfija tal-aħħar jew il-Purgatorju:

“Dawk li jmutu fil-grazzja u l-ħbiberija ta’ Alla, iżda mhux safja għal kollox, minkejja li żguri mis-salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom, wara mewthom iġarrbu purifikazzjoni, biex jiksbu l-qdusija meħtieġa ħa jidħlu fl-hena tas-sema. Il-Knisja ssejjaħ Purgatorju din il-purifikazzjoni ta’ l-aħħar tal-magħżulin, tisfija li hi għal kollox differenti mill-kastig tad-dannati. Il-Knisja fissret il-fidi tagħha dwar il-Purgatorju l-aktar fil-Konċilji ta’ Firenze u ta’ Trento. It-tradizzjoni tal-Knisja, hija u tagħmel riferenza għal xi siltiet ta’ l-Iskrittura (bħalma huma 1 Kor 3,15; 1 Piet 3,7) li titkellem dwar nar li jippurifika: Għandna nemmnu li għal xi ħtijiet żgħar qabel il-ġudizzju hemm nar li jsaffi minnhom, skond kif jgħidilna Dak li hu l-Verità fih innifsu, meta jsemmi lil dawk li jitkellmu kontra l-Ispirtu s-Santu, u jgħid li ma jkollhomx maħfra la f’din id-dinja u lanqas f’li ġejja (Mt 12,32). Minn dan il-kliem nistgħu nifhmu li xi ħtijiet jistgħu jinħafru f’dan iż-żmien u oħrajn fiż-żmien li għad irid jiġi” (nri 1030-1031).

Minn naħa tagħha anki Santa Fawstina tagħtina deskrizzjoni dettaljata ħafna dwar il-Purgatorju fid-Djarju tagħha, sewwasew fin-numru 20.

“(Il-lejl ta’ wara) jiena rajt l-Anġlu Kustodju tiegħi, li ordnali nimxi warajh. F’mument wieħed sibt ruħi f’post mimli ċpar u nar fejn kien hemm folla kbira ta’ erwieħ qegħdin ibatu. Kienu qedgħin jitolbu bil-ħeġġa, imma bl-ebda siwi, għalihom stess; aħna biss nistgħu ngħinnuhom. Il-fjammi li kienu jaħarquhom lili ma missewnix. L-Anġlu Kustodju tiegħi ma telaqnix fl-ebda waqt. Jiena staqsejt lil dawn l-erwieħ x’kienet l-ikbar sofferenza tagħhom. B’vuċi waħda huma weġbuni li l-ikbar turment tagħhom kien ix-xewqa kbira tagħhom għal Alla. Rajt lill-Madonna żżur l-erwieħ fil-Purgatorju. L-erwieħ isejħulha ‘Il-Kewkba tal-Baħar’. Hija ġġibilhom is-serħan. Jiena ridt inkompli nitkellem magħhom iktar, imma l-Anġlu Kustodju tiegħi sejjaħli biex nitlaq. Aħna ħriġna minn dak il-ħabs ta’ tbatija. (Smajt vuċi nterna) tgħid: Il-ħniena Tiegħi dan ma tridux, imma l-ġustizzja hekk titlob. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, jiena ninsab f’għaqda iktar mill-qrib ma’ l-erwieħ li qedgħin ibatu”.

Fawstina ma titħadditx minn tgawdija fil-Purgatorju imma minn tbatija. Titkellem minn post mimli ċpar u nar. Tfakkarna li talbhom għalihom infushom ma jgħoddx. Għalhekk, Ommna l-Knisja Mqaddsa, ta’ Omm ħanina li hi, tfakkarna f’dak li hemm miktub fil-Katekiżmu tagħha fin-numru 1032:

“Dan it-tagħlim (dwar il-Purgatorju) hu mibni ukoll fuq id-drawwa tat-talb għall-mejtin, li dwaru titkellem l-Iskrittura: ‘Għalhekk (Ġuda l-Makkabew) offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni biex il-mejtin jinħelsu minn dnubhom’ (2 Mak 12,46). Sa mill-ewwel żminijiet, il-Knisja tat ġieħ lit-tifkira tal-mejtin u offriet suffraġji għalihom, b’mod partikulari s-sagrifiċċju ewkaristiku, biex, imsoffija minn dnubiethom, jistgħu jaslu għall-viżjoni beatifika ta’ Alla. Il-Knisja tirrakkomanda wkoll il-karità, l-indulġenzi u l-penitenzi b’suffraġju għall-mejtin. Ħa ngħinuhom u niftakru fihom. Jekk ulied Ġob kienu jitnaddfu mit-tniġġis tagħhom bis-sagrifiċċju ta’ missierhom (ara Ġob 1,5), għaliex għandna naħsbu li l-offerti tagħna għall-mejtin mhux se jiksbulhom xi faraġ? Ma noqogħdux naħsbuha biex ngħinu lil dawk li ġa telqu u noffru talb għalihom” (nru. 1032).

Quddiem din ir-rejaltà irridu nieqfu nippuppaw sidirna u nirraġunaw bħal dawk li ma jibżgħu minn xejn. Ma nistax le nibqa’ nirraġuna billi ngħid, bl-istupitaġni u l-bluha kollha: Ħadd ma ġie jgħidilna x’hemm! Mela la ma qalhulniex x’hemm x’ nemmen nagħmel? Meta qed nirraġuna hekk qed nirraġuna ħażin ħafna. L-għaliex, fil-Kelma ta’ Alla stess, fil-Bibbja, hemm mitkub hekk dwar l-għani li kien qed ibati fl-infern u li kien talab lil Abraham biex jibgħat lil Lazzu ħa jidher lil ħutu u jwissihom li l-infern jeżiżti tassew:

Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu'” (Lq 16:27-31).

Jekk ma nemminx il-Bibbja li titkellem fuq il-Purgatorju lanqas jekk tidhirli ruħ mill-Purgatorju ma nemmen! Mela ejja ngħix iż-żmien li għandi fl-imħabba tal-Mulej u tal-proxxmu tiegħi. U hekk, din it-tip ta’ mħabba, [t]ostor kotra ta’ dnubiet (Gak 5:20).

Ħa nagħmlu iva ħafna quddies lill-għeżież mejtin tagħna u tal-erwieħ li qed ibatu fil-Purgatorju! Għax meta niġu fil-bżonn aħna ta’ talbhom mis-sema aħna lilhom ikollna bżonn!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.