Inawgurazzjoni tat-tlestija tax-xogħlijiet fuq ir-restawr ta’ pittura f’Kerċem

L-Assoċjazzjoni Kura fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex se tinawgura t-tlestija ta’ xogħol ieħor fis-serje ta’ proġetti ta’ restawr u konservazzjoni li, grazzi għal fondi Ewropej, għaddejjin bħalissa f’bosta knejjes Għawdxin.

DSC_0016

Nhar il-Ħadd li ġej, 1 ta’ Diċembru 2019, fl-10.00am, fil-Knisja parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir f’Ta’ Kerċem, se tinżamm l-inawgurazzjoni tat-tlestija tax-xogħlijiet fuq ir-restawr tal-pittura tas-saqaf fl-istess knisja.

L-inawgurazzjoni ser issir mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, u l-Onor. Dr Aaron Farrugia, Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej, fil-preżenza tal-Onor. Dr Justyne Caruana, Ministru għal Għawdex.

Il-pittura kollha tas-saqaf tas-Santwarju Parrokkjali Ta’ Kerċem, xogħol tal-artist Malti Ġużeppi Briffa (1901-1988) bejn l-1937 u l-1943, tirrakkonta l-episodji l-iktar importanti fil-ħajja ta’ San Girgor li huwa l-Patrun tal-parroċċa. Il-Madonna tas-Sokkors ġiet iddikjarata Kompatruna b’digriet tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti li jġib id-data tas-17 ta’ Awwissu 1885.

Leave a Reply