Il-vera qawwa tagħna!


Inkun Mater Dei, fejn is-Sema, f’waħda mill-mawriet tiegħi f’Medjugorje, urietni fejn tassew tridni bħala bniedem ikkonsagrat lilu. Liema stedina għadha friska friska, quddiemi. Is-Sema tridek taqdi lill-morda. Tilqa’ din l-istedina ibni? Għadni niftakar, qisu issa, fis-sagħtejn ta’ filgħodu, leħinha, irqajjaq irqajjaq, u kollu mħabba, fuq il-Podbrdo. X’taħsbu li kelli nwieġeb lis-Sema għeżież ħbieb tiegħi għal din l-istedina li l-Mulej kien qed jagħmilli permezz ta’ Ommu u Ommna? U mhux li ngħid lis-Sema u lil Ommna Marija: IVA?!

Għaddew il-ġimgħat, ix-xhur u s-snin. U, it-talba tiegħi, hekk kif noħroġ minn bieb kamarti tal-Isptar Mater Dei, biex naffaċċja l-istatwa tal-qalb ta’ Ġesù, ma stajtx ma nlissinx it-talba li l-bniedma tal-Mulej għallmittni biex nitlob. U nitlob minn qalbi b’tant u tant ħrara! Qalb ta’ Ġesù, żommni mal-pazzjent u l-pazzjenti. Amen.

Kemm inħossha tfarraġni ħbieb din it-talba hekk sabiħa! Kemm inħossha tagħtini kuraġġ! Kemm inħossha iddewwlili lil qalbi miġrugħa! U kemm timlini bil-faraġ u bl-imħabba tiegħU li tfejjaqni! Dik imħabbtU, li tibqa’ tagħmilli kuraġġ! Dik imħabbtU li tagħtini tama! Timlini b’ħafna maħfra għalija nnifsi u anki għal min, bħalissa, qiegħed tant u tant iweġġagħni! U naf x’inhu r-rimedju għax hekk insib miktub fid-Djarju ta’ Santa Fawstina: Min jaf kif għandu jaħfer ikun qed iħejji għalih innifsu ħafna grazzji mingħand Alla. Daqskemm –il darba jiena nħares lejn is-Salib, daqshekk ieħor jiena naħfer b’qalbi kollha (Djarju 390).

Grazzi għażiża Santa Fawstina ta’ dan il-kliem sabiħ tiegħek! Kliem li, fil-verità kollha, mhux tiegħek imma tiegħU! TiegħU! Li hu l-imħabba! Il-paċi! Il-ferħ! Is-sliem! Il-qawwa! Is-sabar! Il-ħniena! Il-glorja! Il-fidi! Ir-rażan! Hu, li hu l-qdusija vera! Hu, li hu l-maħfra eterna! Hu, li jħaddan miegħU u ma’ qalbU lil min sallbu! Nifdu! Ikkalpestah!

Għeżież, f’dan il-baħar ta’ taqlib, bqajt iggranfat ma’ din is-sejħa tiegħi li naqdi lil Ġesù fil-morda. Minkejja li x-xitan qed jagħmilli gwerra fuq gwerra b’diversi persuni li jridu jkissruni akkost ta’ kollox. Li, mal-medda tas-snin, l-istorja għad tikxef. Mhux biex tikkuddannhom tafux! Le! Lill-midneb m’għandna qatt u qatt nikkundannawh! Lil min għarfien m’għandux m’għandna qatt nitfgħuh fl-infern. Anki jekk hu, fin-nuqqas ta’ għarfient tiegħu, jaf jitfa’ fl-infern lil ħaddieħor.

Le ħbieb! Lil dan it-tali u lil dawn it-talin għandna iva nħobbuh u nħobbuhom! Nitolbu għalih! U nitolbu għalihom! Ħalli l-Mulej jurieh u juriehom id-dawl! L-għaliex il-midneb, bħali u bħalek, hu bniedem u bniedma. U t-tnejn li huma, il-bniedem u l-bniedma, għandhom bżonn biżibilju talb! Bħalma għandna bżonn biżibilju talb jien u int. Int u jien. Imma l-istorja għad tinkixef biex il-glorja tal-Mulej turi ruħha! Għax irridu iva nammettu, u dan ikollna nammettuh b’qalbna kollha, li s-sikrana tikber mal-qamħa. U l-qamħa mas-sikrana. Għandhom jikbru t-tnejn flimkien sa jum il-ħsad. U hekk, wara jum il-ħsad, il-qamħa tkun aktar qamħa. Filwaqt li s-sikrana tkun aktar is-sikrana.

Intant!… Inkun Mater Dei! Għodu għodu! Bilqiegħda ħdejn omm u iben. Għax iridna l-Papa Franġisku, lilna l-Kapuċċini, fid-diskors tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2018, eżattament fis-Sala Klementina, ngħixu dan il-kliem qaddis: U intom il-Kapuċċini għandkom din il-viċinanza: għożżuha. Dejjem qrib il-poplu. Għaliex intom il-patrijiet tal-poplu. Kos hux! Ma qalilniex le intom il-Patrijiet tal-kunvent! Magħluqa fil-kunvent! Imħassra fil-kunvent! Imma, għoġbu jgħidilna, il-Patrijiet tal-poplu! U, jekk jogħġbok, din il-ħaġa qalhielna biex ngħożżuha! Qalhielna biex ikunu dejjem qrib il-poplu! Għax meta nkunu biss viċin il-poplu li nkunu nistgħu nkunu viċin Ġesù. X’jgħidilna Ġesù fil-vanġelu? ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi’ (Mt 25:40). U: ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh’ (Mt 25:45). Oh kemm ibeżżagħni ħbieb il-vers ta’ wara! Isimgħu x’jgħid: U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem (Mt 25:46).

Għalhekk, misjuq minn dan il-kliem qaddis ta’ Ġesù u ta’ Papa Franġisku, li t-tnejn li huma huma tabilħaqq mimlija bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jiena mort ferħan u mimli mħabba ta’ Kristu ħdejn din l-omm u dan l-iben. U, ta’ Patri Kapuċċin li jien, bdejt nitħaddet magħhom. Hekk! Bil-kalma u għall-kalma! Bil-paċi u għall-paċi! Għall-vera fraternità! Li, meta tismagħha tiġi mħaddta f’dan il-kuntest ta’ ħniena, imħabba u għożża, kemm tfejqek! U kemm tfejqek! Imma meta tkun mitħaddta f’kuntest ta’ ġudizzju bla ħniena, tfesfis tal-widnejn biex bil-għan li jġib il-qerda tal-innoċenti u ta’ min tassew qed jaqdi lill-Mulej, u, fuq kollox, f’għejra kbira tal-infern, kemm iġġib mewt u ħsara! Iva ħbieb! L-istess kelma, minflok li tiġi mbierka tispiċċa tinsteħet. U minflok li ssir fraternità ta’ qdusija, ferħ u sempliċità issir fraternità ta’ ħażen, qerq u ħakma. Kemm hu qarrieq ix-xitan! Imma kemm Ġesù hu bil-wisq aqwa u akbar minnu!!!

Bdejt diskusata ma’ din l-omm u dan l-iben. U l-iben, l-għaliex ħassni viċin tiegħu, infetaħ beraħ. Għax ħass fija lil Kristu. U żgur li mhux lili. Patri midneb! U, minn fomm dan iż-żagħżugħ, beda ħiereġ l-uġiegħ. Bid-dmugħ f’għajnejh ċari tiegħu, li bid-dmugħ li kellu fihom bilkemm stajt narahom, qalli: X’għamilli Patri! X’għamilli? U wara li tarrafli fuq fuq dwar x’kienet l-istorja kompla hekk: Tafu lit-tali? Mid-deskrizzjoni li tani kont naf għal min qed jgħid. Iva ħabib! Tassew li nafu weġibtu b’qalbi kollha. X’għamilli! Minn xiex għaddieni! Ma nistax naħfirlu! Nobogħdu! U nobgħodu bil-bosta!

Il-kliemu nissilli ħafna niket f’qalbi. Kos hux! L-għaliex daqshekk ħdura ħbieb? U l-għaliex daqshekk ħażen? L-għaliex daqshekk uġiegħ? Wara kollox, dan l-uġiegħ, fuqhiex inhu? U x’qed jikkostitwixxih? Meta, wara kollox, ħajjitna hi daqstant qasira? Meta għeżież se nitgħallmu ngħixu dawn l-erbat ijiem li baqagħlna fid-dinja fil-paċi bejnietna? Meta naraw lil xulxin fis-sodda, nieħdu l-aħħar nifsijiet? X’jiswa li noqgħodu nibgħatu għal xulxin biex nitolbu maħfra biex forsi jseħħilna mmutu fil-paċi? Iva ħbieb! X’jiswa?

Meta smajtu jitħaddet b’dan il-mod u ħallejtu jiżvoga r-rabja li għandu, poġġejt idejja fuqu u tlabt hekk miegħu: Mulej Ġesù, int taf li dan ħija u jien qed niġu mweġġa’. U imweġġa’ ħafna. U b’ħafna kefrija. Taf Mulej li qed insibuha tassew iebsa li naħfru. Kif qalli hu stess ngħidlek jien ukoll Mulej. Imma, Mulej, meta se nsibu l-paċi? Mhux meta nagħmlu l-vendetta iżda meta naħfru. Għalhekk, f’ismeK, aħna naħfru lil min qed jagħmlilna ħajjitna nfern. Lil min qed ikissirna. Għax sabna qalbna miftuħa. Għalkemm midinbin. Naħfrulhom Mulej. U, f’ismeK Ġesù, jien naħfer, u anki f’isem ħija, naħfer lil min qed ikissru. Bħalma naħfer minn qalbi lil min qed ikisser lili bħalissa! Amen!

It-tnejn bkejna. Għax nifdiluna lil qalbna. U anki l-omm bkiet magħna. Bħalma tikbi l-għażiża ommi minn darha għax qed tara lil għażiż binha jiġi mkisser b’dan il-mod. Imma kuraġġ ħbieb! Għax, il-maħfra, hi l-vera qawwa tagħna! Il-maħfra tagħmilna ferħana! Il-maħfra tagħmilna dak li jrid minna Ġesù: li nkunu Hu!

Issa naf x’jiġifieri l-vers tal-Għanja tal-Ħlejjaq ta’ Missieri San Franġisk: Tkun imfaħħar, Mulejja, f’min lest jaħfer għal imħabbtek, u f’min iġarrab mard u tbatija. Ħienja dawk li jġarrbu kollox fis-sliem għax minnek, l-Aktar Għoli, ikunu inkurunati. Itlob lill-Mulej jgħinek taħfer sieħbi! Itolbu! Għax il-maħfra hi l-vera qawwa tagħna!

Patri Mario Attard OFM Cap