Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija


Il-Ħadd, 8 ta’ Diċembru 2019: Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

Il-festa solenni tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna li tiġi disa’ xhur qabel il-festa tat-twelid tagħha fit-8 ta’ Settembru, tfakkarna fit-twemmin nisrani li l-Madonna kienet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub oriġinali sa mill-bidu nett tat-tnissil tagħha fil-ġuf ta’ ommha, Sant’Anna, bis-saħħa tal-merti li kellu jikseb Ġesù. Għalhekk it-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna kien jiddependi mill-merti ġejjiena ta’ Binha Ġesù, għad li fi żmien sar qabilhom.

Billi Marija kienet il-magħżula ta’ Alla biex tkun Omm Ġesù, Alla żejjinha bi grazzi u rigali speċjali. Bħala Eva ġdida, hi ġabet ħajja ġdida fid-dinja permezz tal-Iben Divin tagħha.

Din il-festa kienet ilha tiġi ċċelebrata fil-Knisja tal-Lvant sa mis-seba’ seklu, u daħlet fil-Knisja tal-Punent fid-disa’ seklu. L-ewwel li għallmu d-duttrina tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija kienu Eadmer ta’ Canterbury u l-Patri Franġiskan Dun Scotus.

Fl-1854, il-Papa Piju IX ipprokklamaha bħala domma tal-Fidi. Fl-1858, f’Lourdes il-Madonna kkonfermat id-domma meta stqarret hi stess lil Santa Bernardina: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni”.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com