Norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’ għal dejjem

Il-Ħadd, 8 ta’ Diċembru 2019: Omelija fl-okkażżjoni tal-investitura tal-kanonċi l-ġodda waqt it-twaqqif tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi.

Capture

L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Jien u nara l-Antifona sabiħa tat-Titular tal-Kolleġġjata, li se nisimgħuha aktar ‘il quddiem, laqatni ħafna dan il-vers fuq San Ġorġ: “il-foħrija u l-unuri ta’ din id-dinja kien dejjem jistmerrhom.” U ftakart f’dak li hemm fil-ktieb ta’ Koħelet, meta jitkellem fuq il-“frugħa tal-frugħat” fid-dinja.

Laqatni għax għal mument, ħsibt: imma dan mhux qisu l-kontra ta’ dak li qed niċċelebraw illum? Għax illum hi okkażjoni ta’ unur li qegħdin għat-twaqqif ta’ din il-Kolleġġjata. Hi wkoll okkażjoni ta’ foħrija.

Għalhekk naħseb li importanti nifhmu l-messaġġ li nieħdu llum minn din iċ-ċelebrazzjoni tat-twaqqif tal-Kolleġġjata, biex nifhmu s-sejħa li tagħmlilna l-Knisja, f’dan il-każ f’din il-parroċċa għażiża ta’ San Ġorġ Martri.

Naħdmu għall-unità

It-twaqqif tal-Kolleġġjata jurina kif nistgħu ngħixu tassew dak li smajna fl-Evanġelju llum meta Ġesu talab għad-dixxipli: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Dak hu li smajna għal diversi drabi fl-Evanġelju. Dak hu li Ġesù xtaq mid-dixxipli tiegħu.

Allura l-ġieħ ta’ Kolleġġjata hu meta tkun tassew xhieda ta’ dak li talab Ġesù: ħa jkunu lkoll ħaġa waħda. Ibda mis-saċerdoti, mill-kanonċi effettivi u onorarji li se jkunu jiffurmaw dan il-Kapitlu: l-istedina hi biex jagħtu xhieda tassew li jkunu lkoll ħaġa waħda. Imbagħad tkompli wkoll f’dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jieħdu sehem f’din il-Kolleġġjata. Ikun ta’ ġieħ u unur meta l-Kolleġġjata tkun tassew espressjoni ta’ unità.

Nagħrfu nagħżlu bejn dak li jgħaddi u dak li jibqa’

Il-Kolleġġjata turina kif aħna għandna naħsbu tassew f’dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja tagħna ta’ Nsara. Kif tafu, marbutin mal-Kolleġġjata jkun hemm ħafna affarijiet sbieħ u ta’ ġmiel. Hemm anke f’din il-knisja tiżjin, dekorazzjonijiet, ilbies sabiħ – kollha espressjoni ta’ din il-Kolleġġjata.

Kull darba, il-Kelma ta’ Alla tfakkarna f’dan: li aħna għandna norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’ għal dejjem u nużaw is-sabiħ u l-ġid ta’ din id-dinja b’mod li qatt ma nitilfu dak li jibqa’ għal dejjem. Għalhekk, kull darba li naraw il-Kolleġġjata, għandha lilna tfakkarna f’dak li hu l-iktar importanti. L-affarijiet l-oħra huma espressjonijiet sbieħ ta’ żmien, imma qatt ma għandna ninsew dak li hu l-iktar importanti, jiġifieri: il-ħidma biex il-fidi li tissaħħaħ, biex l-imħabba tkun aktar fil-qalb tan-nies, biex aħna nkunu sinjal ta’ tama – dak kollu li jagħmel il-ġid.

L-iktar importanti fil-ħajja hu dak li jibqa’, huwa l-ġid li tagħmel, mhux il-ġid li tiġma’ u żżomm. Għalhekk tajjeb li taħdmu bħala kolleġġjata biex tkunu sinjal tal-ġid li jibqa’, sinjal ta’ dak li jibqa’ għal dejjem.

Inkunu strumenti ta’ unità fis-soċjetà ta’ żmienna

Kolleġġjata tfisser unità. Imma intom imsejħin biex tkunu strumenti ta’ unità mhux hawn biss imma wkoll fi ħdan is-soċjetà Maltija.

Aħna nafu li qed ngħixu f’soċjetà fejn kultant hemm id-diviżjoni u firdiet. Is-sejħa partikulari ta’ kolleġġjata hi li tkunu strumenti ta’ għaqda, nies li tfejqu d-diviżjoni u l-firdiet.

Ovvjament, aħna ma nagħmlux dan bħala maskra. Jiġifieri l-unità hi mibnija fuq il-verità, il-ġustizzja, l-onestà, fuq il-valuri importanti fil-ħajja tal-bniedem. Ma nagħmlux enfasi fuq tip ta’ unità li tkun faċċata biss.

Intom bħala kolleġġjata għandkom din il-vokazzjoni li tkunu strumenti ta’ unità vera, li fejn tkunu tgħinu biex jitfejqu d-diviżjoni u l-firdiet, dak kollu li lill-bniedem itellfu fil-ħajja tiegħu.

Għandkom missjoni sabiħa. Fit-twaqqif ta’ din il-Kolleġġjata, nawguralkom li fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ, fil-ħajja tagħtu l-ikbar importanza lil dak li jibqa’ tassew, dak li hu tal-akbar valur. Nawguralkom li din il-ġurnata tal-lum tagħti enerġija ġdida, ħajja ġdida lil din il-parroċċa fil-missjoni li għandha llum fil-Knisja f’Malta.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Leave a Reply