Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Imħabba


It-Tieni Ġimgħa – Il-Ħadd

“Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha.” – Salm 1:3

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

X’kien ifisser għal Ġużeppi li kien “mgħarras” ma’ Marija? Ir-Redemptoris Custos, eżortazzjoni appostolika miktuba mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, tgħid hekk: “Skont id-drawwiet tal-Lhud iż-żwieġ kellu żewġ taqsimiet: fl-ewwel taqsima kienet issir ir-rabta taż-żwieġ skont il-liġi (għalhekk kien żwieġ tassew); imbagħad biss wara xi żmien ir-raġel kien jieħu f’daru ’l martu. Għalhekk qabel ma Marija marret tgħix ma’ Ġużeppi, kienet ġà ‘martu’”. Il-Papa jkompli: “Iżda Marija baqgħet tgħożż ix-xewqa kbira tagħha li tagħti ruħha kollha kemm hi lil Alla biss”.

Xi jfisser li Marija “baqgħet tgħożż ix-xewqa kbira tagħha li tagħti ruħha kollha kemm hi lil Alla biss”? Sa minn qabel l-għerusija tagħha Marija kienet għamlet wegħda privata ta’ konsagrazzjoni lil Alla u riedet iżżomm din il-konsagrazzjoni fiż-żwieġ tagħha ma’ Ġużeppi. Fit-Tħabbira, “l-Anġlu lil Marija ma jitlobhiex tibqa’ verġni; hi Marija li minn jeddha tikxef il-fehma tagħha ta’ verġinità. L-għażla tal-imħabba li twassalha biex tikkonsagra ruħha kollha kemm hi lill-Mulej b’ħajja ta’ verġinità tinsab f’dan l-impenn li tieħu”.

Ġużeppi aktarx kien jaf bl-intenzjoni ta’ konsagrazzjoni verġinali li kellha Marija diġà qabel, waqt, u wara d-deċiżjoni tiegħu li jitgħarrasha. L-għarfien li kellu Ġużeppi tal-konsagrazzjoni ta’ Marija jikxef ħafna dwar l-istess qalb tiegħu.

San Tumas ta’ Aquino jgħid: “Li tħobb ifisser tixtieq il-ġid lill-persuna l-oħra”.[4] Fl-imħabba tiegħu lejn Marija, Ġużeppi “jixteqilha l-ġid”. Hu jrid biss l-aħjar għaliha. Hu ma jiggranfax ma’ dak li jixtieq hu. Hu ma “jiħux” mingħand Marija. Hu jgħix f’qagħda li fiha jilqa’ lil Marija biss skont il-kundizzjonijiet tagħha, mhux tiegħu. Noqogħdu attenti li qatt ma nipproġettaw fuq Ġużeppi l-inklinazzjonijiet sekulari tagħna. Ġużeppi qatt ma jaħseb: “Jixraqli dan” jew “Bħala raġel miżżewweġ, tixraqli dik”. Ġużeppi jħobb lil Marija bil-virtù. Ġużeppi jilqa’ l-verġinità ta’ Marija għax hu jipproteġi l-konsagrazzjoni tagħha. Ġużeppi jħaddan lil Marija kif inhi għax hekk tagħmel l-imħabba vera.

Aħna u nersqu fil-qalb ta’ Ġużeppi, ejjew ninnotaw li ma hemm l-ebda ħtif. M’għandu l-ebda xewqa li jieħu mingħand Marija. Nistedinkom “tħossu” dak li qed tħossu li hemm fil-qalb tiegħu, kif ukoll dak li qed tħossu fil-qalb tagħkom. Biex inħobbu sew hemm bżonn li ma niggranfawx u ma nfittxux x’ħa nieħdu minn ħaddieħor. L-imħabba safja titlob biss li nħallu lill-persuna l-oħra turi min hi lilna biż-żmien, meta tagħżel hi li tagħmel dan. Dan jitlob il-virtù tal-paċenzja. Kif ninsabu flimkien fil-qalb ta’ Ġużeppi, is-sabar huwa l-arja li tagħtina n-nifs. Xi jqanqal ġo fik il-ħsieb tas-safa tal-imħabba ta’ Ġużeppi għal Marija? Issa ieqaf ftit. Attent. Isma’ lill-qalb teigħek. X’qed jgħidlek Alla?

Għat-talb tiegħek

Il-ġimgħa l-oħra tlabna bis-Salm 1. Illum erġa’ lura għas-Salm 1. Immaġinah deskrizzjoni ta’ min hu Ġużeppi. Qis li l-uniku mod biex tħobb kif ħabb Ġużeppi hu li tgħix kif jgħallem is-Salm 1.

“Missier, nitolbok issaffi l-qalb tiegħi. Għallimni nħobb kif ħabb Ġużeppi.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

One thought on “Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Imħabba”

  1. Prosit ħafna u grazzi.. Is-sena l-oħra kellna l-Avvent ma’ Marija u din is-sena ma’ Ġużeppi.. Il-Mulej ibierek ix-xogħol tagħkom.

Comments are closed.