It-Tieni Ġimgħa – It-Tnejn
“Offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla.” – Rumani 12:1
Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers. Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Ġużeppi kien konxju għalkollox mill-konsagrazzjoni ta’ Marija lil Alla, inkluża l-offerta esklussiva tal-verġinità tagħha. Għalhekk, huwa essenzjali li nifhmu t-tweġiba tiegħu għall-fatt li “…saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:18). Ħafna minna din il-parti tal-istorja jsibuha tqila għal tliet raġunijiet:
- L-ewwel nett, diffiċli għal ħafna minna nimmaġinaw li Marija riedet tikkonsagra ruħha kollha kemm hi lil Alla meta fl-istess ħin xtaqet tiżżewweġ lil Ġużeppi. Meta nagħmlu hekk, inkunu nbaxxu lil Marija għal-livell ta’ raġunar tagħna.
- It-tieni, diffiċli nemmnu li Marija u Ġużeppi setgħu jagħżlu liberament li jħaddnu l-astinenza. Inbatu biex nifhmuha għax ma nistgħux inniżżluha kif seta’ kellhom żwieġ intimu u sħiħ mingħajr ir-relazzjonijiet li jappartienu liż-żwieġ.
- It-tielet, hu diffiċli wisq għal ħafna minna biex naċċettaw li Ġużeppi fil-fatt emminha lil Marija. Dan forsi minħabba l-interpretazzjoni partikulari tagħna ta’ Mattew 1:20 jew minħabba r-raġuni li għaliha nassumu li qatagħha li jibgħatha.
Dan il-ktieb huwa rigal biex “naraw” l-Avvent mill-għajnejn ta’ Ġużeppi. Ejjew niftakru li Ġużeppi kien raġel ġust. Il-ġimgħa l-orħa qrajna: “Is-Salm 1 jippreżenta l-immaġni klassika tal-bniedem ‘ġust’… Il-bniedem ġust, jgħidilna, huwa dak li jżomm kuntatt ħaj mal-kelma ta’ Alla”. Il-bniedem ġust jgħix bil-kelma ta’ Alla; għalhekk, bħala ġust, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġużeppi kien jaf it-Testment il-Qadim ukoll.
Ġużeppi żgur kien jafha s-silta ta’ Iżaija 7:14: “Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el”. Il-profezija ta’ Iżaija hija dwar tnissil verġinali tal-Messija, u Ġużeppi dan kien jafu. Għada, nidħlu f’Mattew 1:19, li jgħid li “Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies”. Se naraw kif kemm San Bernard ta’ Clairvaux u kemm San Tumas ta’ Aquino t-tnejn saħqu li Ġużeppi kien qed jaġixxi b’qima profonda ta’ għoġba għal dak li seħħ, u mhux għax ma emminx dak li Marija qalet jew għax ħaseb li kien hemm xi infedeltà. Ġużeppi stagħġeb b’dak li Alla kien għamel. Jekk naqblu mal-verità li Ġużeppi emminha lil Marija, naslu biex nemmnu li Ġużeppi stagħġeb bil-qawwa ta’ Alla. Stagħġeb bit-tarbija f’ġuf Marija. Stagħġeb bil-fiduċja tagħha f’Alla.
Osserva kif fil-qalb ta’ Ġużeppi m’hemmx “storbju”. M’hemm l-ebda preokkupazzjoni bil-“jien” tiegħu. Biex nistagħġeb hemm bżonn inħossni fil-preżenza ta’ xi ħaġa ikbar minni. Hawn, niġi wiċċ imb wiċċ mal-mistoqsija: “Tassew jien nemmen li dik it-tip ta’ qdusija hi possibbli?”. Meta nqis li Ġużeppi, li kien “sempliċiment bħali”, kien kapaċi jkollu qalb bħal din, niskanta u nistaqsi lili nnifsi: Dan jista’ jkun possibbli għalija? U hawn nista’ nitlob lil Alla jgħinni kif għen lil Ġużeppi. U hekk nixxennaq għal iżjed.
U xi ngħidu għalik? Temmen li hu possibbli iżjed? Xi trid mingħand Alla? Xi trid tassew mingħand Alla?
Għat-talb tiegħek
Illum aqra Rumani, kapitlu 12. Aqraha iktar minn darba. X’qed jgħid Alla f’din is-silta mill-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?
“Missier, nitolbok tgħolli l-livell tar-raġunar tiegħi. Ibdel lil moħħi u l-mod kif naħsibha biex nista’ nemmen f’dak li int tixtieq minni.”
Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?