Illum il-Knisja tagħmel it-Tifkira ta’ San Ġwann Diego Cuauhtlatoatzin


Illum il-Knisja tagħmel it-Tifkira ta’ San Ġwann Diego Cuauhtlatoatzin, li għex bejn is-snin 1474 sa 1548.

Ftit nafu dwar dan il-qaddis li San Ġwanni Pawlu II sejjaħlu bħala “l-Indjan sempliċi u umli”. Fil-bidu kien magħruf bħala Cuauhtlatoatzin, li tfisser ‘l-ajkla li titkellem’. L-isem ta’ Ġwann Diego hu marbut mal-Madonna ta’ Guadalupe, fil-Messiku.

Il-Madonna kienet dehret l-ewwel darba lil Ġwann Diego, fid-9 ta’ Diċembru 1531, fuq l-għolja ta’ Tepeyac, fejn qaltlu biex jgħid lill-isqof li xtaqet li tinbena knisja għad unur tagħha. Fl-istorja, wisq magħrufa, ta’ dan il-qaddis, insibu li hu ġabar xi ward fil-mantar tiegħu, wara li l-Madonna talbitu jagħmel dan, u dawn inbidlu, fl-immaġini mirakuluża tal-Madonna ta’ Guadalupe.

Meta nbena s-Santwarju f’Tepeyac, Ġwann Diego, mar jgħix fil-qrib, fejn beda jgħallem il-katekeżi, waqt li kien ta’ xhieda bl-eżempju tajjeb tiegħu.

Huwa ġie kkanonizzat fil-31 ta’ Lulju 2000, mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ddedikata lill-Madonna ta’ Guadalupe. Il-Papa dakinhar qal li kien persuna sempliċi u umli, li aċċetta l-Kristjaneżmu mingħajr ma ċeda l-identità tiegħu bħala Indjan. San Ġwann Diego jfakkarna li “L-aħbar it-tajba ta’ Ġesù hi għal kulħadd.”

Id-Dehriet
Il-Verġni Marija dehret erba’ darbiet fl-1531 lil wieħed Indjos, Juan Diego (li kien dikjarat beatu fl-1990), fuq l-għolja Tepeyac, barra mill-belt tal-Messiku, u ordnatlu biex jgħid lill-isqof Zumarraga bix-xewqa tagħha li tinbena knisja għaliha hemmhekk. Wara xi sentejn, l-isqof għamel dak li kien mitlub, wara li kkonvinċa ruħu li d-dehriet kienu ġenwini meta ra x-xbiha ta’ daqs naturali tal-Verġni Marija stampat mirakolużament fuq il-fardal tal-Indjos.

Il-mantell li fih ix-xbieha tal-Madonna għadu ppreservat u hu merfugħ fil-bażilika ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, li għandu storja twila bħala ċentru ta’ devozzjoni u pellegrinaġġi fil-Messiku.

Il-Papa Benedittu XIV fl-1754 awtorizza quddiesa u talb għall-Uffiċju Divin f’ġieħ il-Madonna taħt dan it-titlu biex tkun iċċelebrata fit-12 ta’ Diċembru. Ħatar ukoll lill-Madonna bħala Patruna ta’ Spanja l-Ġdida. Il-Madonna ta’ Guadalupe kienet iddikjarata Patruna tal-Amerika Latina minn Piju X fl-1910 u Patruna taż-żewġ Ameriki minn Piju XII fl-1945.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com