Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Denn

Print Friendly, PDF & Email

It-Tieni Ġimgħa – L-Erbgħa

“La tibżax għax jien miegħek.” – Iżaija 43:5

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Ġużeppi ħassu li ma kienx denn, u għalhekk ħaseb kif lil Marija jitlaqha bil-moħbi tan-nies. Imma Alla ma damx ma ndaħal qabel Ġużeppi seta’ jagħmel ħaġa bħal din. Mattew 1:20 jaqra hekk: “Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: ‘Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu’” (Mt 1:20). Indaħal Alla. Ġużeppi ħassu mhux denn, u Alla wieġbu: “La tibżax”.

Ġużeppi ħassu mhux denn għax hekk kien. Min hu denn li jilqa’ f’daru l-Arka l-Ġdida tal-Patt il-Ġdid? Min hu qaddis biżżejjed biex ikun missier għal Ġesù f’isem Alla l-Missier? Min jisħoqqlu jilqa’ lil Eva l-Ġdida fiż-żwieġ tiegħu stess? Ġużeppi ħass li ma kienx jistħoqqlu għaliex tassew ma kienx jistħoqqlu. Imma, Alla, f’ċertu sens, qallu: “La tibżax – jiena denn, u jiena nkun miegħek”.

Meta nħossuna li ma jistħoqqilniex, spiss nibżgħu li l-akbar biża’ tagħna jkun veru: li aħna m’aħniex “tajbin biżżejjed” u Alla se jitlaqna għal riħna. Ħafna minna nitbiegħdu minn Alla – nitilqu lil Alla li ma jmurx jitlaqna hu l-ewwel. Alla kien jaf sew kif kien qed iħossu Ġużeppi u qallu: “La tibżax”. Bl-istess mod, meta jiena u inti nħossuna li ma jistħoqqilniex, Alla jiġri warajna bil-verità u jlissen l-istess kelmiet: “La tibżax”.

Jiena u int m’aħniex denji. Imma din hi aħbar tajba! Int m’intix denn – u qatt m’int se tkun. Dak li niswew fil-ħajja m’għandu xejn x’jaqsam magħna u għandu x’jaqsam f’kollox ma’ Alla. Minkejja l-imgħoddi tiegħek – Alla jinsab hemm miegħek. Hu x’inhu l-preżent tiegħek, u sew jekk f’ħajtek wettaq il-pjanijiet tiegħek u sew jekk ma rnexxilekx – Alla jinsab hemm miegħek. Minkejja l-iżbalji tiegħek, id-dnub tiegħek, jew kemm-il darba titbiegħed minnu – Alla jinsab hemm miegħek.

Osserva kif fil-qalb ta’ Ġużeppi ma hemm ebda biża’ li jaffaċċja l-verità ta’ Alla. Fil-qalb ta’ Ġużeppi ma hemm l-ebda biża’ minn “x’jiġri jekk isir jaf Alla?”. Dik libertà! Imqar jekk qed iħoss li ma jistħoqqlux, Ġużeppi jibqa’ ħiemed u jħalli lil Alla jkellmu. Tista’ “tħoss” lil Ġużeppi wieqaf ħiemed huwa u jħossu mhux denn? Tista’ “tħoss” xi jfisser għalih li jieqaf ħiemed biex Alla jista’ jkellmu bil-verità?

Illum, fittex ftit ħin fis-skiet. Erġa’ fittex il-mistoqsijiet tal-bieraħ, bħal: Min int? Iktar importanti, ta’ min int? Staqsi lil Alla: “Int għaliex għażilt li tħobb lili?”. Staqsi lill-Mulej: “Mnejn ġej dan is-siwi tiegħi?”.

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bit-Testment il-Qadim, speċjalment bil-kliem tal-profeta Iżaija. Ibda t-talba tiegħek billi taqra mill-ġdid bil-mod Iżaija 43:1-7. Imbagħad, aqra Iżaija 49:14-16. Aqraha iktar minn darba. Qis kif Ġużeppi spiss kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok illum il-grazzja li nagħmel esperjenza personali ta’ mħabbtek għalija. Għinni nifhem ir-realtà ta’ dak li jien u l-verità ta’ dak li jagħmilni denn quddiemek.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply

%d bloggers like this: