Illum il-Knisja tfakkar lil San Damasu I


Fil-11 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Damasu I, Papa li għex bejn is-snin 305 sa 384.

San Damasu twieled aktarx f’Ruma għall-ħabta tas-sena 305. Missieru li kien Spanjol, wara l-mewt ta’ martu jew bil-kunsens tagħha sar qassis u kien jieħu ħsieb il-knisja ta’ San Lawrenz, f’Ruma.

Damasu sar Djaknu fil-knisja li kien qed jieħu ħsieb missieru, u wara sar qassis.

Fis-sena 366, meta kellu madwar 62 sena sar Papa. Miegħu sar l-antipapa Ursinu, iżda dan ġie eżiljat mill-Imperatur Valentinjanu. Matul il-papat twil tiegħu ta’ 18-il sena, San Damasu kellu jħabbat wiċċu ma’ ħafna nkwiet, speċjalment dak imqanqal mis-segwaċi ta’ Ursinu, u minn ħafna tagħlim falz sew f’Ruma u sew f’postijiet oħra fil-Knisja. B’danakollu, San Damasu ra ħwejjeġ sbieħ iseħħu fil-Knisja.

Fis-sena 380, l-Imperatur Teodozju tal-Lvant u Grazjanu tal-Punent ipproklamaw il-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Imperu Ruman. Kien hu l-ewwel Papa li sejjaħ il-Knisja bl-isem ta’ “Is-Sedja Appostolika”.

Hu ħatar lil San Ġilormu segretarju tiegħu u awtorizzah biex jagħmel reviżjoni b’reqqa ikbar tal-verżjoni Latina qadima tal-Bibbja, b’riżultat li llum għandna l-Vulgata. F’Sinodu tat-374, San Damasu ħareġ Kanoni importanti tal-Kotba tat-Testment il-Ġdid. Fi żmienu il-lingwa tal-Liturġija nbidlet mill-Grieg għal-Latin, f’Ruma.

Hu sab u rrestawra l-katakombi fejn bosta martri nsara kienu midfuna, u għamilhom postijiet ta’ pellegrinaġġi. Huwa kiteb bosta skrizzjonijiet fuq lapidi ta’ oqbra u knejjes biex il-Fidili japprezzaw aħjar il-wirt nisrani tagħhom.

San Damasu miet f’Ruma fil-11 ta’ Diċembru 384, u difnuh fil-qabar fejn kien hemm midfunin ommu u ħutu, fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu. Biex titpoġġa fuq qabru kiteb din l-iskrizzjoni: “Jien, Damasu, xtaqt nindifen hawn, iżda bżajt li noffendi l-fdalijiet ta’ dawn il-qaddisin”.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com